Lokali

‘ROTA’ tinsab imħassba bis-sitwazzjoni tat-toroq f’pajjiżna

Fi stqarrija, l-għaqda Rota esprimiet it-tħassib tagħha rigward il-kriżi kbira li hawn f’pajjiżna meta niġu għas-sigurtà fit-toroq.

F’dawn l-aħħar jiem, seħħew sitt fatalitajiet f’inċidenti tat-traffiku, u b’hekk it-total tal-imwiet fit-toroq fl-2025 tela’ għal 17.

Dan diġà qabeż it-total ta’ vittmi rreġistrati kemm fl-2023 kif ukoll fl-2024, u qegħdin fit-triq devastanti biex niksru r-rekord tal-2022, meta l-pajjiż kellu 26 mewta fit-toroq… l-ogħla numru f’dawn l-aħħar snin.

L-għaqda kkritikat il-fatt li l-Pulizija huma mistennija li jwettqu infurzar effettiv bi 18-il breathalyser biss!

Huma qalu li s-sigurtà fit-toroq tagħna mhix tinkiseb permezz ta’ slogans iżda tiġi miksuba permezz ta’ riżorsi edegwati, politika soda u infurzar kif suppost.

Huma talbu sabiex ikun hemm aktar speed cameras, implimentazzjoni ta’ zoni ta’ 30 kilometru fis-siegħa fiz-zoni urbani, spot checks regolari, manutenzjoni propja tat-toroq u infurzar kif suppost tal-liġi.

Il-membri tal-għaqda Rota rrimarkaw kif fl-aħħar mill-aħħar din mhijiex biss kwistjoni ta’ transport iżda hi kwistjoni ta’ emerġenza tas-saħħa pubblika, falliment ta’ governanza u kriżi ta’ ġustizzja soċjali.