Robert Abela qed jerġa’ jressaq liġi oħra li tippremja lil min jikser il-liġi f’wiċċ min jimxi magħha.
Fi stqarrija ffirmata mix-Shadow Minister tal-Finanzi Graham Bencini, il-Partit Nazzjonalista esprima t-tħassib serju tiegħu rigward Abbozz ta’ Liġi 142, li tpoġġa fl-aħħar jiem quddiem il-Parlament.
Dan l-abbozz ta’ liġi huwa ieħor minn sensiela ta’ miżuri li, flok jgħinu lill-ħaddiem u n-negozjant onest, jaġevolaw lil min jikser il-liġi. Din id-darba il-Gvern ħaseb għal dawk li għandhom każi pendenti quddiem il-qorti b’rabta ma’ evażjoni tat-taxxa jew nuqqas ta’ ħlas li kellhom jagħmlu lill-Istat.
B’kumbinazzjoni, fost dawk li jistgħu jibbenefikaw mill-abbozz hemm ukoll eks klijent tal-Prim Ministru Robert Abela. Din hi sitwazzjoni li xejn ma tgħin ittejjeb il-perċezzjoni pubblika li l-liġijiet qed jiġu mfassla apposta biex iserrħu lil min hu qrib tal-Gvern u qed jabbuża.
Minflok dawn il-manuvri, il-Partit Nazzjonalista jemmen li dak li verament hemm bżonn huwa ċertezza, trasparenza u konsistenza fil-mod kif jiġu applikati l-liġijiet fiskali, għall-benefiċċju ta’ dawk li huma verament tax-payers ġenwini u nies onesti.
Barra minn hekk, huwa ħafna aktar ġust u produttiv li l-Gvern:
- Joffri skemi ta’ ħlas aktar flessibbli għal dawk li jaffaċċjaw diffikultajiet ta’ cashflow;
- Inaqqas ir-rati ta’ imgħax u penali, biex jgħin lin-negozji ż-żgħar u medji jirkupraw biex dawn ma jiġux mgħakksa b’piżijiet kbar meta jkunu għaddejjin minn diffikultajiet temporanji.
Il-Partit Nazzjonalista jemmen bis-sħiħ li dawk li jħallsu t-taxxa b’mod ġenwin għandhom isibu s-sostenn sħiħ, u mhux li l-Gvern imur il-Parlament b’liġijiet biex jgħin lil min qed jipprova jevadi t-taxxa. Il-Gvern m’għandux iservi ta’ tarka għal min qed ifittex kenn mil-liġi.
Din mhijiex kwistjoni biss ta’ ġustizzja, iżda ta’ għaqal ekonomiku. Meta n-negozji genwini u onesti jingħataw spazju biex jirkupraw u jsiru sostenibbli, dawn se jkomplu jżidu l-impjiegi u jinvestu fil-futur tal-pajjiż.
Dan hu l-mod kif il-Partit Nazzjonalista jemmen li l-ekonomija għandha titmexxa: billi ngħinu lill-ġenwini jirregolaw ruħhom u jkomplu jibnu n-negozju tagħhom.
Hu għalhekk li l-Partit Nazzjonalista qed jiddikjara b’mod ċar li se jkun qed jivvota kontra l-Abbozz ta’ Liġi 142 fil-Parlament, u fl-istess ħin jappella lill-Gvern biex għall-inqas darba ma jaġixxix b’arroganza u jieħu bis-serjetà l-kunsiderazzjonijiet li qed jagħmel il-Partit Nazzjonalista favur dawk li huma verament tax payers ġenwini u onesti.
Il-Gvern għandu jagħti l-ewwel prijorità lil dawk li jħallsu t-taxxa b’mod ġust u onest, mhux jibqa’ jibgħat sinjali li se jkompli jipproteġi lil dawk li qed jiffaċċjaw akkużi kriminali serji.
//= $special ?>

