Bosta Maltin u Għawdxin jinstabu fil-belt kapitali ta’ Ruma hekk kif tul din il-ġimgħa qed jiġi ċċelebrat il-Ġublew taż-Żgħażagħ.
Nhar it-Tnejn 28 ta’ Lulju, għexieren ta’ żgħażagħ minn kull rokna tad-dinja għamlu l-vjaġġ tagħhom lejn Pjazza San Pietru sabiex flimkien jagħtu bidu għal din l-esperjenza unika.
Il-Vatikan mistenni jtella serje ta’ avvenimenti ddedikati lil Kattoliċi żgħażagħ li ġejjin minn 146 pajjiż differenti. B’kollox huwa mistenni li jattendu madwar 500,000 ruħ.
Dan l-avveniment ser jiġbor flimkien liż-żgħażagħ sabiex jiċċelebraw il-fidi tagħhom. Tul din il-ġimgħa ser ikun qed jitwassal messaġġ ta’ tama, kif ukoll tiġdid spiritwali f’dawn iż-żminijiet diffiċli tal-lum.
Hekk kif kien imħabbar mill-Papa Franġisku lura fl-2023, il-Ġublew taż-Żgħażagħ din is-sena ser jinkorpora miegħu l-Jum Dinji taż-Żgħażagħ.
Iċ-ċelebrazzjoni tilħaq il-qofol tagħha, nhar il-Ħadd 3 ta’ Awwissu permezz ta’ quddiesa solenni mmexxija mill-Papa Ljun XIV.
Eluf ta’ parroċċi, skejjel u familji ppreparaw sabiex jospitaw lil dawn l-eluf ta’ pellegrini minn madwar id-dinja. Apparti minn hekk il-Vatikan ħaseb sabiex jipprepara hostel li ġiet armata f’Fiera di Roma li kapaċi tesa’ 25,000 persuna.