Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech qal fil-Parlament illejla li l-Gvern Malti għandu jirrikonoxxi l-Istat Palestinjan b’mod immedjat, mhux f’Settembru li ġej.
Din id-dikjarazzjoni l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech għamilha f’diskors li għamel fil-Parlament wara stqarrija ministerjali tal-Prim Ministru Robert Abela dwar ir-rikonoxximent tal-Istat Palestinjan minn Malta.
Il-Prim Ministru qal li kien ħabbar li l-Gvern se jirrikonoxxi l-Istat tal-Palestina f’Settembru li ġej qabel tibda l-Assemblea tan-Nazzjonijiet Magħquda (UN). Hu kompla li l-gvern qed iħabbar din id-deċiżjoni issa għaliex dan hu l-mument opportun fil-mixja lejn ir-rikonoxximent tal-Istat tal-Palestina kif għamlu Franza u r-Renju Unit.
Il-Prim Ministru kompla li d-djna tinsab ixxukkjata dwar is-sitwazzjoni umanitarja f’Gaża fejn qed imutu eluf ta Palestinjani; din is-sitwazzjoni ma tistax tibqa’ sejra u għandha tinsab soluzzjoni ta’ paċi. Din tista’ tinħoloq biss jekk jinbdew id-diskussjonijiet bejn il-Palestina u Iżrael. L-ebda bniedem m’għandu jitħalla bil-ġuħ waqt li l-ostaġġi Iżraeljani jinħelsu kollha kemm huma u li l-għajnuna umanitarja titħalla tidħol fil-Palestina.
Il-Prim Ministru qal li Malta tat eżempju billi laqgħet fil-pajjiż familji li sofrew it-tbatija tal-gwerra partikolarment tfal. Malta laqgħet ukoll familjari tal-ostaġġi Iżraeljani.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech laqa’ b’sodifazzjon li fl-aħħar il-gvern qed jaċċetta li jirrikonoxxi l-Istat Palestinjan u żied li għalkemm tard dan hu tajjeb. Fis-7 ta’ Ottubru 2023 seħħew atroċitajiet kbar mill-Ħamas fuq Iżrael fejn ħatfu diversi ostaġġi u nqerdu ħafna ħajjiet. Dakinhar id-dinja xxukkjat lilha nnifisa u Iżrael kellu kull dritt jiddefendi ruħu li jirritalja iżda bla ma tinqabeż il-linja l-ħamra.
Hawn il-PN beda jinsisti mal-gvern biex mhux biss jitkellem dwar l-atroċitajiet iżda jintbagħat messaġġ ċar li l-poplu Malti jirrikonoxxi l-Istat Palestinjan. Dan ma jwaqqafx l-atroċitajiet iżda tiżdied il-pressjoni biex l-attakki jieqfu.
Il-Kap tal-PN Bernard Grech qal li meta ħass il-pressjoni tal-PN u tas-soċjetajiet ċivili biex Malta tirrikonoxxi l-Istat Palestinjan, il-Prim Ministru qal li kien se jirrikonoxxi l-Istat Palestinjan f’Ġunju iżda dan ma seħħx. Ftit qabel il-Prim Ministru qal li kien qed jistenna ċ-ċirkostanzi biex jagħmel dan, sostna Bernard Grech, li kompla li dawn iċ-ċirkostanzi kienu diġà eżistew f’Ġunju li għadda. Għaliex il-Prim Ministru se jibqa’ jistenna sa Settembru biex jirrikonoxxi l-Istat Palestinjan? Għaliex mhu issa jsir dan ir-rikonoxximent biex tiżdied il-pressjoni fuq Iżrael? Kull ġurnata li tgħaddi tfisser atroċitajiet u mwiet fuq umani oħra, sostna Bernard Grech, li appella biex il-Prim Ministru ma jistenniex sa Settembru u jirrikonoxxi l-Istat Palenstinjan issa.
Ix-Shaodw Minister tal-Oppożizzjoni għall-Politika Barranija Beppe Fenech Adami qal li f’Gaża ma baqa’ xejn fejn hemm tfal li qed imutu bil-ġuħ. Hu sostna li kollox inqered f’Gaża u kompla li r-rikonoxximent tal-Istat Palestinjan għandha tittieħed b’mod immedjat u mhux f’Settembru.
Tliet kwatri tal-pajjiżi tad-dinja diġà rrikonoxxew l-Istat Palestinjan, sostna Beppe Fenech Adami, li kompla li dan ikun l-ewwel pass lejn l-ovvju li jkun hemm żewġ stati rikonoxxuti u li jridu jinnegozjaw il-paċi fir-reġjun. Hu staqsa jekk kienx hemm reazzjoni mill-Istat ta’ Iżrael wara d-dikjarazzjoni tal-Prim Ministru tat-Tlieta li għaddew u qal li fil-mixja li saret fil-Belt ilbieraħ, ken hemm talba dwar il-ftehim kummerċjali bejn Malta u l-Iżreal waqt li staqsa x’inhi l-pożizzjoni tal-Gvern Malta.
Id-Deputat Nazzjonalista Toni Bezzina staqsa x’inhi r-raġuni veru għaliex il-gvern dam sentejn biex jirrikonoxxi l-Palestina bħala Stat u kif Malta se żżid l-għajnuna lejn il-poplu Palestinjan.
Id-Deputat Nazzjonalista Mario de Marco qal li l-kawża Palestinjana kellha tgħaqqad iż-żewġ naħat tal-Kamra u kompla li l-Prim Ministru għandu jagħti garanzija li l-Gvern issa se jżomm kelmtu għaliex din hi t-tielet darba li l-Gvern qal li se jirrikonoxxi l-Istat Palestinjan wara Marzu 2025 u f’Ġunju 2025 meta suppost dan kien rikonixxut mill-Gvern Malti.
Hu qal li Malta ma tistax tkun bla vuċi quddiem ġenoċidju ta’ poplu u staqsa jekk il-Gvern ħassx il-bżonn li jibgħat għall-Ambaxxatur ta’ Iżrael u jgħidlu li l-Istat Malti hu tal-fehma li dak qed iseħħ f’Gaża hu inaċċettabbli u jikser kull regola tal-liġi internazzjonali kontra l-ġenoċidju.
//= $special ?>