Il-Partit Nazzjonalista qed jappella lill-Gvern biex isib ir-rieda u joħroġ b’soluzzjonijiet biex is-sigurtà tan-nies fit-toroq tagħna u fuq il-baħar ta’ madwarna tkun imħarsa ferm aħjar. Filwaqt li jifhem li l-ebda gvern ma jista’ joffri garanzija li qatt mhu se jseħħu inċidenti, jistenna li l-Gvern preżenti jagħmel ferm u ferm aktar milli qed jagħmel biex jipprevjeni kemm jista’ jkun inċidenti.
Fl-aħħar jiem smajna b’numru kbir ta’ inċidenti fatali fit-toroq tagħna. Hi ħasra li l-Gvern mhux qed jinvesti biżżejjed fil-ħarsien tas-sigurtà tan-nies u qed iħalli lill-uffiċjali tas-sigurtà mingħajr ir-riżorsi meħtieġa biex iwettqu ħidmiethom. Dan minbarra li qed jonqos milli jattira biżżejjed żgħażagħ fis-servizzi tas-sigurtà, fosthom fil-Korp tal-Pulizija.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mix-Shadow Minister għat-Trasport u l-Mobbiltà Mark Anthony Sammut, ix-Shadow Minister għas-Settur Marittimu, id-Djalogu Soċjali u l-Ġlieda Kontra l-Għoli tal-Ħajja Ivan Castillo u x-Shadow Minister għall-Intern, is-Sigurtà u r-Riformi Darren Carabott xeħtu dawl dwar in-nuqqasijiet fil-qasam tas-sigurtà u kkundannaw il-fatt li l-Gvern qed jibqa’ ċass quddiem dawn ir-realtajiet.
Huma spjegaw kif Gvern ġdid Nazzjonalista jagħti l-prijorità xierqa lil dan il-qasam permezz ta’ numru ta’ miżuri. Għax huwa kruċjali li s-sigurtà tan-nies, kemm fit-toroq u kemm fl-ibħra tagħna, issir prijorità.
Meta f’pajjiżna qed naraw splużjoni fil-popolazzjoni u żieda qawwija ta’ vetturi, il-Gvern qed ikun irresponsabbli meta qed jonqos li jieħu azzjoni u jaħdem biex isaħħaħ is-sigurtà.
L-abbuż mill-kokaina u l-kannabis, kif ukoll mix-xorb, f’pajjiżna huwa ta’ tħassib u għaldaqstant huwa kruċjali li jkun hemm infurzar serju biex jitnaqqsu kemm jista’ jkun inċidenti li jinvolvu lil persuni li jkunu taħt l-effett ta’ sustanzi.
Is-sitwazzjoni hija tat-tħassib ukoll fuq il-baħar. Hawn għandna żieda qawwija ta’ inċidenti fejn f’sentejn dawn telgħu minn 17 għal 41. Anke fuq il-baħar hemm problema ta’ riżorsi, fejn jidħol ħarsien tas-sigurtà.
Il-kelliema fakkru kif anke r-RHIBs – il-bastimenti li jintużaw għas-sigurtà fuq il-baħar – kienu saru suġġett ta’ skandlu meta nstab li ma kenux siguri għall-uffiċjali tas-sigurtà stess.
In-nuqqas ta’ riżorsi fuq il-baħar ifisser li huwa impossibbli li l-uffiċjali tas-sigurtà tagħna jlaħħqu maż-żieda ta’ dgħajjes li jbaħħru fl-ibħra tagħna.
Il-kaos fit-toroq kiber u l-fatalitajiet fl-aħħar sentejn laħqu d-29. Din is-sena, sa issa biss, diġà mietu 12-il persuna, daqskemm kellna fatalitejiet fit-toroq tul is-sena l-oħra kollha. Il-Gvern qed ifalli fil-miri tiegħu stess fejn tidħol sigurtà.
Il-PN reġa’ appella għal pjan nazzjonali ta’ azzjoni, b’enfasi fuq infurzar effettiv, pieni ħorox għal min ikun ta’ periklu għal ħaddieħor fit-toroq u fuq il-baħar, kampanji ta’ edukazzjoni, infurzar fuq xogħlijiet tat-toroq, kif ukoll infrastruttura sikura għal kull min juża t-triq u riżorsi akbar għal sigurtà aktar viżibbli fit-toroq u fuq il-baħar.
Il-kelliema tal-Partit Nazzjonliasta qalu li l-Gvern qed jibqa’ ċass quddiem ir-realtajiet li qed iseħħu ta’ kuljum u m’għandux ir-rieda li jipprovdi s-soluzzjonijiet. Il-Gvern qed jonqos ukoll mill-aspett ta’ ġustizzja u ordni pubbliku meta l-pieni huma dgħajfa u l-infurzar rari, bin-nies qed titlef il-fiduċja fis-sistema preżenti.
Il-Partit Nazzjonalista tenna li s-sigurtà trid tkun prijorità. Bħalissa l-Gvern jinsab b’rasu mdeffsa fir-ramel u mhux jagħti każ ta’ dak li qed iseħħ f’pajjiżna.
Il-ħajjiet tan-nies huma prezzjużi. Il-Maltin u l-Għawdxin jixirqilhom Gvern li jħarsilhom is-sigurtà tagħhom fit-toroq u fuq il-baħar u mhux Gvern li jagħlaq għajnejh u jsodd widnejh, filwaqt li jagħmel tabirruħu li kollox hu ward u żahar.


