Lokali Parlament

Il-Parlament sellem lil Anthony Spiteri Debono; raġel umli u tar-rispett

Ritratt: Catriel Farrugia Sghendo

F’kommemorazzjoni, il-Parlament illejla sellem lil Anthony Spiteri Debono, ir-raġel tal-President Myriam Sptieri Debono, li miet ftit ilu b’diskorsi mill-mexxejja politiċi li fihom il-Gvern, l-Oppożizzjoni u l-Ispeaker ddiskrivewh bħala raġel umli, tar-rispett li dejjem kien lest jgħin.

Fil-kommemorazzjoni tkellmu l-Prim Ministru Robert Abela, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech u nqara messaġġ mill-Ispeaker Anġlu Farrugia li jinsab imsiefer fuq xogħol tal-parlament. Għal din il-kommemorazzjoni attendew il-fmailjari ta’ Anthony Spiteri Debono. Is-seduta parlamentari kienet preseduta mid-Deputy Speaker David Agius.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li Anthony Spiteri Debono kien umli, studjuż u li kien iħobb il-proxxmu u kompla li kien iħobb il-familja waqt li kien iżomm profil bla ma jfittex iċ-ċentru tal-attenzjoni. Anthony Spiteri Debono kien jagħti appoġġ sħiħ lil martu Myriam anki matul il-Presidenza ta’ Malta.

Minkejja dan, Anthony baqa’ l-bniedem li kien dejjemu kien bniedem ta’ ftit kliem iżda dawn kienu jkunu ta’ valur u pożittivi, sostna l-Prim Ministru. Hu kompla li l-Maltin kienu jaraw f’Anthony Mifsud Bonnici, persuna ta’ valuri u tar-rispett.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech qal li Anthony Spiteri Debono kien bniedem umli u qal li sar jaf lil Anthony fil-kors tal-liġi għaliex kien daħal għal dan il-kors f’età kbira. Bernard Gerch qal li minkejja d-differenza fl-età, Anthony kien imur tajjeb mal-istudenti u tul ħajtu wera kemm kien baqa’ viċin in-nies tul ħajtu kollha.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li Anthony Spiteri Debono kien jirnexxielu jwassal l-emozzjonijiet anki minkejja li hu kien raġel ta’ ftit kliem. Hu kompla li Anthony kien dejjem jestendi l-mod kif jilqa’ lin-nies; propju għaliex kien bniedem li jaf iħobb. Minkejja li ma kienx iħobb ikun fiċ-ċentru, hu offra dak li seta’ joffri biex ikun ta’ spalla għall-President.

F’messaġġ, l-Ispeaker Anġlu Farrugia qal li ilu snin jaf lil Anthony Spiteri Debono u żied li Anthony kien bniedem tar-rispett u dejjem bit-tbissima.