Lokali

Il-PN se jippreżenta mozzjoni biex il-Gvern jirtira l-Abbozz dwar il-Liġi tal-Ippjanar

L-Oppożizzjoni tinsisti li jerġa’ jitnieda proċess serju għal riforma fl-ippjanar li tpoġġi lill-bniedem u lill-ambjent fiċ-ċentru

Il-Partit Nazzjonalista jinsisti li l-Abbozzi diżgustanti tal-Liġi tal-Ippjanar (Abbozzi 143 u 144) jiġu rtirati minnufih. Għal dan il-għan, illum il-Partit Nazzjonalista se jippreżenta Mozzjoni fil-Parlament biex jitwaqqaf dan il-proċess perikoluż u jitnieda mill-ġdid proċess serju, inklussiv u trasparenti.

Il-Partit Nazzjonalista ilu s-snin isejjaħ għal riforma olistika, ġusta u trasparenti tas-sistema tal-ippjanar, li tpoġġi liċ-ċittadin u l-ambjent fiċ-ċentru. Iżda minflok, il-Gvern ippreżenta mhux riforma, imma attakk istituzzjonali li jħalli lill-cittadin bla protezzjoni u bla vuċi.

Il-Partit Nazzjonalista jfakkar ukoll li ilu jitlob, kemm fil-Parlament kif ukoll fil-Kunsilli Lokali, li jsiru studji serji, bħal Carrying Capacity Studies, biex ikun stabbilit kemm u x’tip ta’ żvilupp jista’ jiflaħ il-pajjiż. Minkejja dan, il-Gvern baqa’ jwebbes rasu u jirrifjuta li jagħmilhom.

Il-Gvern ressaq dawn l-Abbozzi b’mod mgħaġġel u bla konsultazzjoni, ftit qabel ma l-Parlament jagħlaq għas-sajf. Għamel dan biex jipprova jevita l-iskrutinju, inaqqas id-dibattitu u jevadi mir-responsabbiltà li jinżamm kontabbli. Din hi xhieda ċara ta’ kif il-Gvern irid iqarraq u jagħmel it-tibdil li jrid hu minn wara dahar in-nies.

L-Abbozz 143 jiftaħ il-bibien għal aktar kaos u abbuż fis-sistema tal-ippjanar: għal ħolqien ta’ żviluppi bla permess u għall-iskartar tal-ġerarkija tal-pjanijiet, filwaqt li jagħti s-setgħa lill-Ministru u lill-bordijiet biex jarmu l-policies stabbiliti skont kif jaqblilhom, inkluż f’zoni fejn mhux suppost isir żvilupp (ODZ).

L-Abbozz 144, għalkemm jinkludi s-sospensjoni temporanja tal-permessi waqt appell, fil-fatt inaqqas is-setgħat tal-Qorti tal-Appell u jxejjen l-awtonomija tagħha.

Barra minn hekk, għal aktar minn għaxar snin, il-Gvern waqqaf kull aġġornament tas-sistema tal-ippjanar u minflok, introduċa policies ambigwi li naqqsu l-konsistenza u qatlu l-fiduċja fis-sistema. L-Awtorità tal-Ippjanar spiċċat strument ta’ approvazzjoni minflok għodda ta’ viżjoni għall-ġid komuni.

Il-Partit Nazzjonalista jemmen li kwalunkwe riforma serja trid:

  • trid tkun wahda holistika;
  • tiżgura s-sospensjoni ta’ permessi waqt appell;
  • tkun ibbażata fuq evidenza, bħal Carrying Capacity Studies;
  • tirrestawra l-indipendenza tal-ġudikatura;
  • iżżid il-parteċipazzjoni u t-trasparenza
  • u ġġedded il-fiduċja fis-sistema permezz ta’ governanza serja u onesta.

Il-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista hi waħda u ċara: l-abbozzi għandhom jiġu rtirati minnufih. Il-proċess irid jibda mill-ġdid.

Ir-riforma trid tkun waħda vera u mhux farsa li tagħti lill-Gvern aktar setgħa, filwaqt li tkompli tnawwar id-drittijiet taċ-ċittadin.

Dan intqal fi stqarrija mix-Shadow Minister għall-Ippjanar u l-Artijiet Stanley Zammit u mix-Shadow Minister għall-Ambjent Rebekah Borg.