Il-Qorti tal-Appell Kriminali naqqset is-sanzjoni kontra ċittadin Somalu, Ali Muuse Igaale, wara li l-Qorti Kostituzzjonali kienet sabet li l-piena stipulata fil-liġi kienet tmur kontra d-dritt għall-użu tal-proprjetà.
Igaale kien ammetta li f’Marzu li għadda ħareġ minn Malta lejn Istanbul mingħajr ma ddikjara li kien qed iġorr madwar €160,000 fi flus kontanti, li jammontaw għal aktar mil-limitu massimu permissibbli ta’ €10,000. Għal dan, il-Qorti tal-Maġistrati kienet ordnat konfiska ta’ €85,601.40, somma li kienet tikkorrispondi għal 55% tal-ammont li kien qed iġorr.
Wara li appella, il-Qorti tal-Appell kienet irreferiet il-kwistjoni lill-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili fil-ġurisdizzjoni kostituzzjonali tagħha sabiex tiġi evalwata jekk il-multa fissa prevista mir-Regolamenti dwar il-Kontroll tal-Flus Kontanti kinetx tikser id-dritt fundamentali għall-proprjetà.
Il-liġi ta’ dak iż-żmien kienet tipprovdi konfiska ta’ 55% fuq kwalunkwe ammont li jaqbeż €30,000, waqt li l-ewwel €10,000 jiġu rritornati lill-persuna kkundannata. Għalkemm il-Qorti tal-Maġistrati kienet sabet li ma kien hemm l-ebda ksur ta’ drittijiet umani, il-Qorti Kostituzzjonali sabet mod ieħor u ddikjarat li l-piena awtomatika kienet sproporzjonata u tikser id-dritt għall-użu tal-proprjetà.
Wara din id-deċiżjoni, il-liġi ġiet emendata sabiex issa tippermetti konfiska li tvarja bejn 20% u 55% tal-ammont mhux iddikjarat, skont iċ-ċirkostanzi tal-każ. Fil-proċess tal-appell, il-Qorti kkunsidrat diversi fatturi, fosthom li Igaale kien kollaborattiv mal-awtoritajiet, li ammetta l-ħtija, li kellu karta tal-kundanni vojta u li l-liġi kellha tinbidel wara l-każ tiegħu.
Għaldaqstant, il-Qorti naqqset l-ammont li kellu jiġi konfiskat għal €37,000 — madwar 23% tas-somma kollha li kien qed iġorr.
Igaale kien assistit mill-avukati Franco Debono, Adreana Zammit, Arthur Azzopardi u Jacob Magri.
//= $special ?>