Internazzjonali

Ir-Russja: Terremot b’qawwa ta’ 8.8 jikkaġuna sensiela ta’ allerts dwar it-tsunami għar-reġjuni tal-Paċifiku

Ir-reġjuni lejn il-Lvant Imbiegħed tar-Russja, fl-aħħar sigħat, intlaqtu minn wieħed mill-aktar terremoti qawwija li qatt laqtu dik iz-zona. Terremot li l-qawwa tiegħu kienet tant li xprunat il-mewġ tat-tsunami għal fuq distanzi twal u sal-punt fejn ħallew ukoll impatt fil-Ġappun u l-Alaska.

It-tsunami konsegwenti tat-theżżiża – li reġistrat 8.8 fuq l-iskala – laħqu wkoll l-artijiet tal-kosta fil-Kolombja u New Zealand, bl-awtoritajiet Ġappuniżi, issa, inaqqsu l-livell tat-theddida wara li huma kienu ħarġu d-direttivi għall-evakwazzjoni ta’ madwar żewġ miljun ruħ.

L-allert kien anki effettiv għar-reġjuni taċ-ċentru u t-tramuntana tal-Istati Uniti – partikularment għall-Istat ta’ Kalifornja.

Kien hemm żmien fejn l-Alaska u l-Istat Amerikan ta’ Hawaii kienu f’periklu kbir mit-tsunami iżda b’xorti tajba, il-mewġ kbir laħaq batta fl-intensità, bis-servizzi għall-emerġenzi f’dawn it-territorji, maż-żmien, jippermettu r-ritorn tan-nies lejn iz-zoni fejn qabel kienu seħħew l-evakwazzjonijiet urġenti.

Diversi gżejjer fil-Paċifiku wkoll, bħalissa, għaddejjin minn mumenti ansjużi.

L-epiċentru tat-terremot kien indikat sa 21 kilometru fil-fond tal-art fil-Penisola Russa ta’ Kamchalka u fejn telgħu it-tsunami għoljin mal-erba’ metri f’diversi partijiet tar-reġjun.

B’konsegwenza tat-terremot, numru ta’ bini triegħdu jew ġarrbu l-ħsarat fl-inħawi ta’ Petropavlovsk-Kamchatsky, fejn inqatgħu wkoll is-servizzi tad-dawl – madankollu ma kienx hemm rapporti dwar il-vittmi f’dawk l-artijiet tar-Russja.

Sadanittant, ir-residenti taz-zoni maġenb il-kosta tal-Paċifiku xorta qed ikunu mwissija biex imorru fl-aktar artijiet għoljin peress li l-periklu potenzjali mit-tsunami kapaċi jibqa’ għal  ħafna sigħat.

L-esperti mal-Pacific Tsunami Warning Centre wissew li l-attività siżmika li għadha għaddejja tista’ anki tiġġenera aktar mewġ tal-baħar għoljin sa tliet metri u b’qawwa biżżejjed biex jilħqu xi zoni  qalb il-kosta tal-Hawaii, iċ-Ċile, il-Ġappun u l-Gżejjer

Fl-istess ħin, il-probabbiltà ta’ tsunami ġodda lanqas ma hi eskluża għall-artijiet tal-kosta fir-Russja u l-Ekwador.