Lokali Qorti

Is-saga tas-suspettat hacker Daniel Joe Meli: Il-każ mill-ġdid f’ħoġor il-Qorti tal-Maġistrati

Il-Qorti tal-Appell Kriminali ordnat li l-proċeduri kontra Daniel Joe Meli – suspettat hacker – jiġu deċiżi mill-ġdid mill-Qorti tal-Maġistrati, billi bagħtet lura l-proċess kollu biex dan jibda mill-ġdid quddiem l-istess qorti.

Meli, ta’ 28 sena minn Ħaż-Żabbar, huwa mfittex mill-awtoritajiet Amerikani fuq akkużi relatati mal-bejgħ ta’ malware illegali fuq id-dark web bejn l-2012 u l-2022. Il-malware inkwistjoni – Remote Access Trojan (RAT) – kien allegatament użat biex jinkiseb aċċess u kontroll fuq kompjuters u servers b’mod sigriet u illegali.

L-ewwel arrest tiegħu seħħ fi Frar tas-sena li għaddiet, fi stħarriġ konġunt bejn il-Pulizija ta’ Malta, l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, l-FBI u d-Dipartiment tal-Ġustizzja Amerikan. Għall-ewwel, Meli kien aċċetta li jiġi estradit iżda wara biddel fehmtu u beda jikkontesta l-mandat – pass li seta’ jieħu wara li ġiet emendata l-liġi Maltija s-sena l-oħra biex tippermetti dan.

Fid-12 ta’ Mejju, il-Qorti Maltija ċaħdet it-talba ta’ estradizzjoni tal-Istati Uniti, u qalet li l-prosekuzzjoni falliet milli tippreżenta biżżejjed provi skont il-livell ta’ prova meħtieġ fil-liġi Maltija, u anke rrimarkat fuq “approċċ laxk” fil-preżentazzjoni tal-evidenza.

Madankollu, fil-jiem ta’ wara, l-Avukat Ġenerali appella mid-deċiżjoni. Il-kawża ġiet trattata mill-Imħallef Giovanni Grixti, li nhar l-Erbgħa filgħodu laqgħa wieħed mill-ilmenti tal-AĠ – dak li jikkonċerna dokumenti ppreżentati mill-prosekuzzjoni li ġew miċħuda mill-Qorti tal-Maġistrati minħabba li ma kinux ġew ippreżentati taħt ġurament.

Il-Qorti tal-Appell Kriminali laqgħet dan l-appell u ordnat li l-proċess jerġa’ jinstema’, din id-darba b’dawk id-dokumenti bħala parti mill-provi.

Il-Qorti tal-Appell Kriminali kienet preseduta mill-Imħallef Giovanni Grixti. L-Avukat Ġenerali ġie rappreżentat mill-avukati Daphne Baldacchino, Sean Xerri De Caro u Maria Zerafa Le-Gros. Daniel Joe Meli kien rappreżentat mill-avukati Arthur Azzopardi, Franco Debono u Lennox Vella.