National Lottery plc u l-Għaqda Ġurnalisti Sport, ħabbru li t-tim Malti tar-Rugby Sevens rebaħ it-tielet unur tal-IZIBET Elite Athlete Award għal din is-sena li jkopri x-xhur ta’ Mejju u Ġunju.
It-tim Malti tar-Rugby Sevens kiseb promozzjoni storika għar-Rugby Europe Sevens Trophy Division li hija t-tieni l-ogħla mill-ħames rankings li hemm fir-Rugby Ewropew. Dan it-tim għamel progress kbir meta tliet snin ilu kien fid-Diviżjoni Conference 2.
Fl-ewwel logħba tar-Rugby Europe Conference 1, Malta bdiet bl-iebes meta tilfet 24-17 kontra s-Serbja. Madanakollu, il-Maltin irkupraw din it-telfa u għelbu lill-Finlandja 27-10 u l-Awstrija 27-21 sabiex ġew fit-tieni post fil-grupp u għaddew għas-semifinali kontra Andorra. Fis-semifinali, li kienet waħda ferm missielta, il-Maltin rebħu 10-7 u aċċertaw il-promozzjoni għat-Trophy Division. B’serje ta’ plejers imweġġgħa, il-Maltin ħarġu telliefa fil-finali kontra Monaco bir-riżultat aħrax ta’ 24-5.
Il-għan tal-IZIBET Elite Athlete Award huwa li jirrikonoxxi s-suċċessi miksuba mill-atleti lokali kull xahrejn.
Il-bord tal-għażla huwa magħmul minn ġurnalisti u osservaturi sportivi li jevalwaw bir-reqqa il-kisbiet tal-atleti matul ix-xhur u jassiguraw li jkun hemm il-korretezza matul il-proċess kollu tal-għażla.
//= $special ?>