Lokali

Karmenu Muscat kien dilettant kbir tal-festa u ħa sehem fl-Olimpjadi

Karmenu Muscat, magħruf iktar bħala Chalie, huwa r-raġel ta’ 63 sena li tilef ħajtu fl-inċident li seħħ fil-Park and Ride tal-Furjana, wara li għal xi raġuni x-xarabank imxiet waħedh – bil-konsegwenza li nqabad bejn il-ħajt u l-ġenb tal-istess karozza tal-linja.

Kienu bosta l-persuni li matul il-jum tat-Tlieta sellmu l-memorja ta’ Chalie, li kien xufier mal-Malta Public Transport kif ukoll kien jgħallem xufiera ġodda.

Infatti f’post fuq il-midja soċjali, il-Malta Public Transport qalet li Karmenu kien raġel dedikat lejn xogħlu u rispettat minn bosta għall-paċenzja u l-professjonaliżmu li dejjem wera.

Qalet ukoll li huma lkoll jinsabu maħsuda bit-telfa tiegħu. U ddeskrivew lil Karmenu bħala ħaddiem li ħalla legat kbir hekk kif f’xogħlu kien għallem ħafna nies.

Chalie, li kien residenti n-Naxxar u missier ta’ żewġt itfal, kien dilettant kbir tal-festa fejn kien iqatta’ ħafna ħin jgħin fl-armar għaċ-ċelebrazzjoni li ssir kull sena fix-xahar ta’ Settembru – kif ukoll kien jerfa’ l-vara titulari ta’ Marija Bambina.

Oħrajn iddeskrivew lil Chalie bħala bniedem li kien rispettat minn ħafna u li kien jisma’ lil kulħadd. Qalu wkoll li kien raġel ta’ fiduċja kbira, b’imħabba għamja lejn familtu.

Fatt ieħor interessanti dwar Chalie hu li fl-1980 kien irrappreżenta lil Malta fl-Olimpjadi li kienu saru f’Moska. Hu kien ħa sehem fit-tellieqa individwali u fit-Team Time Trial taċ-ċikliżmu.