Lokali Qorti

L-akkużata ċemplet lill-eks sid il-kera tagħha u qaltilha li tixtieq tmut

Charlene Aquilina, sid ta’ proprjetà f’Buġibba fejn kienet tgħix fil-passat Filippina akkużata bil-qtil tas-sieħeb tagħha, għamlet rapport mal-Pulizija wara li rċeviet messaġġ mingħand Mayumi Santos Patacsil fejn din qaltilha li tixtieq tmut u li forsi jkun aħjar għas-sieħeb tagħha li dan jiġri.

L-istess Charlene qalet li beżgħet li kienet tagħmel xi suwiċidju u għalhekk ċemplet lill-Pulizija biex tippreveni milli tiġri xi ħaġa kerha, u li l-Filippina kienet se tweġġa’ lilha nnfisha. Dan ħareġ fil-ġuri ta’ Mayumi Santos Patacsil, ta’ 48 sena, li bdiet għaddejja ġuri mixlija bil-qtil volontarju tas-sieħeb tagħha Marcelino Montalban Saraza, li seħħ erba’ snin ilu fil-Mellieħa.

Il-ġuri li wasal fit-tielet jum tiegħu mistenni jieħu l-ħin l-Erbgħa hekk kif filgħaxija se jsir l-aċċess fil-post fejn sar id-delitt. Allegatament il-mara użat żewġ skieken waqt id-delitt, b’daqqa minnhom tkun dik fatali li nifdet il-fwied tal-vittma, li huwa wkoll ta’ nazzjonalità Filippina. Charlene Aquilina qalet li kienet għamlet rapport l-Għassa għax fis-16 ta’ Diċembru 2020 irċieviet messaġġ mingħand l-akkużat, li qabel kienet toqgħod fil-propjetà tagħha f’Buġibba.

Qalet li din ma baqgħetx toqgħod hemm għax kien hemm diżgwid bejnha u nkwilina oħra. Wara li deher li l-affarijiet kienu ikkalmaw reġgħu kellhom xi jgħidu u peress li l-oħra kienet qabilha keċċiet lil Mayoumi. u lir-raġel tagħha mill-appartament.

Ix-xhud qalet li l-akkużata qaltilha b’messaġġ li riedet tagħmel ‘self harm’. Tenniet li r-rapport għamlitu għax beżgħet li se tagħmel xi suwiċidju. Mistoqsija fuq xhiex kellha xi tgħid biex spiċċat barra, Aquilina qalet li Mayoumi bdiet tgħid li l-mara l-oħra kellha relazzjoni mal-partner tagħha (il-vittma). Ma’ din Caroline hemm jgħixu wkoll żewġ nisa.

Ix-xhud qalet li wara l-messaġġ li rċeviet mingħand l-akkużata hi kienet bagħtitilha u qaltilha biex tmur għand ‘marriage councillour’ jew psikologu. Tenniet li hi u s-sieħeb tagħha kienu ok ħafna u li l-vittma kien jidher li kien raġel kwiet.

Aquilina qalet li filgħaxija il-Filippina ċemplitilha b’rabja kbira u dan għax sar ir-rapport lill-Pulizija. Ftit wara anke bagħtitilha messaġġ irrabjat. Qaltilha li għamlet dan bħala prekawzjoni fuq dak li kienet qaltilha.

Wara telefonata u l-messaġġ ix-xhud qalet li kienet blukkjata u qabel ma għamlet dan qaltilha biex ma tagħmilx iktar kuntatt magħha. Hi reġgħet ikkonfermat li r-raġel kien kwiet għalkemm tafu ftit għax kienet tarah meta kienet tiġbor il-kera. “Qatt ma kien jidher li kien agressiv. Fuq domanda biex tgħid min kienet il-mara li l-Filippina ħasbet li l-vittma kien qed imur magħha, ix-xhud qalet li kienet Caroline de la Pena.

Iktar qabel xehdet is-Surġent Kaylie Farrugia, li dak iż-żmien kienet stazzjonata l-Għassa ta’ Raħal Ġdid. Qalet li Charlene Aquilina kienet informathom permezz ta’ rapport li kienet qed tinkwieta fuq Mayumi Santos Patacsil.

Peress li tagħtha l-mobile, ipprovat iċempillha u kienet infurmata li din kienet taħdem f’ħanut tax-xagħar ġewwa l-Imsida. Kienu marru jfittxuha hemm ukoll iżda ma sabuhiex. Wara xehed is-Surġent Jonathan Bordieri li qal li fis-16 ta’ Diċembru, 2020, kien xogħol l-Għassa ta’ Ħal Luqa.

Dakinhar kien qed ilaħħaq id-distrett li kien jinkludi lil Raħal Ġdid ukoll. Kien ġie infurmat mill-kollega li kienet daħlet telefonata minn Charlene Aquilina, ħabiba ta’ Mayoumi, u li kienet qed tinkwieta għal ħajjitha.

Xehed ukoll is-Suġent Sergio Farrugia, li kien stazzjonat l-Għassa Raħal Ġdid, u kien ħa ‘over’ minn Bordieri fuq dan ir-rapport. Qal ukoll li Charlene qalet li Mayoumi kienet imdejjqa bil-ħajja li kienet qed tgħix.

Qal li l-Pulizija rnexxielhom jaqbdu lill-Filippina bit-telefon u infurmawha biex tmur l-Għassa ta’ Raħal Ġdid. Iżda peress li ma kellhiex karozza qabet u marret fl-Għassa tal-Qawra. Huma marru għaliha hemm u ħaduha għall-klinika tal-Mosta biex jaraha tabib u ġiet referuta għall-isptar Mater Dei.

Ix-xhud qal li kien hemm care worker li qagħad mal-Filippina, li finalment ġiet riferuta għal psikjatra fl-Isptar Mater Dei. Qal li minn hemm ‘il quddiem ma kompliex isegwi l-każ. Wara telgħet fuq il-pedana tax-xhieda l-kuntistabbli Maria Grixti.

Qalet li fis-16 ta’ Diċembru kienet fl-Għassa Raħal Ġdid fix-xift ta’ bil-lejl. Tenniet li kienet ċemplet Charlene Aquilina li qaltilha li rnexxielha tagħmel kuntatt mal-Filippina. Ix-xhud ippruvat tagħmel kuntatt magħha imma ma rnexxilhiex.

Wara kienet hi li għamlet kuntatt u marru għaliha l-Qawra, ħaduha l-poliklinika tal-Mosta li rreferewha għall-Mater Dei, u sakemm rat psikjatra kienet dejjem taħt il-ħarsien ta’ Care Worker.

L-ewwel xhud filgħodu kellu x’jaqsam ma’ evidenza forensika. L-Uffiċjal Charlò Casha mit-Taqsima Forensika, ħa filmat tal-post fejn seħħ id-delitt u dan kien fi Frar tal-2023, waqt li l-appartament kien għadu issiġillat.

Xehed ukoll l-espert tal-Qorti Martin Bajada li analizza mobiles u filmati tas-CCTV. Tenna li nstab telefon imkisser fil-kċina mingħajr SIM card u mobile ieħor fil-basket fil-kamra tal-pranzu. Qal li ħa wkoll diversi ‘screen shots’ minn Facebook, u mhux chats mill-mobile.

Tenna li l-akkużata nqabdet fuq il-kameras timxi b’mod mgħaġġel fi Triq il-Kunsill tal-Ewropa ftit wara li ħalliet id-dar, u wkoll f’supermarket. Semma wkoll 840 ritratt li dawn kienu mgħoddija lill-ġurati: Il-filmati tas-CCTV li ntwerew fl-awla kienu ta’ kwalità baxxa.

L-akkużata qalet lill-Pulizija li kien il-vittma li daħħal is-sikkina f’żaqqu

Xehed ukoll is-Surġent Malcolm Pace mill-iskwadra tal-omiċidji. Qal li fit-2 ta’ Lulju kienu nfurmati li kien seħħ omiċidju fi Triq il-Fortizza il-Mellieħa. Qal li hu l-iskwadra kienu marru fuq il-post bl-inħawi ppreservati. Kien hemm il-Pulizija tad-distrett ukoll u fuq ġewwa membri tas-SOCO.

Kien diġa kien qed isir stħarriġ minn naħa tal-Pulizija u dak preliminari rriżulta li l-vittma kien Filippin. Qal li kien ġie nfurmat fuq dak kollu li kien ġara mill-Pulizia tad-distrett. L-akkużata kienet diġa’ tinsab taħt arrest. Kienu nfurmati li fir-residenza kienet tgħix koppja oħra barranija li kellhom karta tal-identità Maltija u magħhom kienet tgħix tifla.

Kien infurmat li mara kienet ċemplet l-Għassa u qalet li kienet ġiet imsawwta u kienet fejn supermarket. Meta staqsewha fejn kien ir-raġel, qaltilhom li kien id-dar. Il-Pulizija sabuha fejn qaltilhom u hawn infurmathom li kellha xi ġrieħi f’idha u wara ħaduha fid-Dipartiment tal-Vjolenza domestika.

Hi qalet lill-Pulizija, li r-raġel tagħha kellu sikkina f’idu u daħħalha f’żaqqu. Surġent kien mar malajr fuq il-post u għamel kuntatt ma’ tal-ambullanzi. Meta ċemplet kienet qalet li r-raġel kien sawwatni u din mhux l-ewwel darba. Surġent kien staqsa lill-uffiċjal tal-Pulizija tal-vjolenza domestiku jekk kienitx hi li ċemplet għall-ambulanza, u daqqa bdiet tgħid li hi daqqa oħra le.

Huwa kien infurmat minn Pulizija ieħor li qallu li meta kienu marru fir-residenza sabuha magħluqa, bil-mara li kienet tgħix mal-akkużata u l-vittma. Il-mara kienert tqila u qaltilhom li l-koppja kienet dejjem tiġġieled u ma kienitx taf jekk kienx hemm xi ħadd ferut għax raqdet ma’ bintha ta’ tliet snin.

Fuq il-vittma Filippin ma kienitx taf fejn qied imma meta daħlu fil-kċina kien hemm persuna mgħottija u la ġembha, Il-Pulizija kien messlu l-polz imma jidher li kien mejjet. Wara mar it-tabib Alex Mifsud miċ-Ċentru tas-saħħa li ċċertifikat mejjet, u dan kien għall-ħabta tat-3.20am.

Lix-xhud il-Pulizija li kien preżenti qallu li ma setax isib sikkina imma mbgħad lemaħ waħda taħt il-gallerija. Kienet ‘kitchen knife’ nadifa. Il-mara li kienet tgħix mal-akkużata kienet ittieħdet l-isptar għax kienet ħadet qatgħa kbira meta kienet tqila.

Il-mara kienet qalet lix-xhud li l-koppja kienet dejjem tiġġieled, bir-raġel tagħha dejjem jipprova jikkalma s-sitwazzjoni, iżda għalxejn, dejjem jiġġieldu u dak inhar ħasbet li kien qed jiġri l-istess u dejjem iħabbtu mal-bieb tal-kamra tas-sodda, bir-raġel ikun xogħol. Hi qaltlu li kienet tgħidilhom aħjar ma tibqgħux flimkien.

Il-mara li kienet tgħix magħhom qalet ukoll li meta rat il-Filippin mejjet ħadet ħasda kbira, “Kien raġel sew. Dejjem tibgħatli l-messaġġi u anke fuq FACEBOOK.” Qalet li qatt ma bassret li xi ħadd minn koppja jasal biex jagħmel xi ħaġa bħal din.

Hija kienet sejra s-Serbja f’pajjiżha għax il-familja tagħha ma setgħetx tiġi Malta. Ir-raġel tagħha li huwa wkoll Serb, qal lill-Pulizija li l-vittma kien raġel sew ħafna filwaqt li l-akkużata hija marida. Dejjem moħħha biex tibgħat il-messaġġi u ma jax għaliex. Qal li l-vittma kien jaħdem xufier mal-karozzi tal-linja.

Ix-xhud qal li l-akkużata kienet dejjem iġġorr bagalja tas-safar ħamra. Din ħarġitha magħha mir-residenza u dejjem baqgħet fuqha, Din ittieħdet mill-Pulizija u tinsab bħala prova fl-awla 22 tal-Qorti. Fil-baskett hemm diversi affarijiet tal-akkużata u hu ħa ritratt tagħha li esebih ukoll fil-Qorti.

Il-ġuri qed jinstema’ quddiem l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera fejn il-mara qed twieġeb mhux ħatja għaż-żewġ Kapi ta’ akkużi miġjubin kontriha. L-ewwel Kap ta’ akkuża jgħid li fil-lejl ta’ bejn l-1 u t-2 ta’ Lulju tas-sena 2021, fi Triq il-Fortizza, fis-salott u fil-kċina ta’ din ir-residenza, Mayumi Santos Patacsil, bil-ħsieb li toqtol jew li tqiegħed il-ħajja tagħha f’periklu ċar, ikkaġunat l-mewt b’daqqa ta’ sikkina fil-parti t’isfel tan-naħa tal-lemin tas-sider tal-vittma.

Din id-daqqa kienet b’saħħitha biżżejjed li ppenetrat il-kavita tas-sider, ikkaġunat ferita fonda liema ferita ppenetrat il-fwied u kkaġunat emoraġija estensiva bil-konsegwenza li l-vittma Marcelino Montalban
Saraza miet fuq il-post ftit tal-ħin wara, kaġun ta’ din il-ferita.

Esperti mediko-legali ikkonkludew li l-vittma miet minħabba ‘hypovolemic shock’ (direttament ikkawżata mill-‘stab wound’ li l-istess akkużata tat f’sider il-vittma), iżda il-mewt ma kienitx waħda istantanea u l-vittma miet ftit tal-ħin wara fuq il-post sakemm dan żvina.

L-akkuża tgħid ukoll li ftit tal-ħin wara li Mayumi Santos Patacsil tat daqqa ta’ sikkina li nifdet is-sider tal-vittma, hija għamlet ferita oħra fuq in-naħa tal-lemin tal-għonq tal-istess vittma fejn pruvat tħanxarlu għonqu u ikkaġunat inċiżjoni iktar twila milli fonda b’permezz ta’ sikkina oħra u ċioe mhux bl-istess sikkina li biha nifdet is-sider tal-vittma u kkaġunatlu l-mewt.

Saret ferita f’għonqu meta kien diġa’ miet

Mill-eżamijiet forensiċi rriżulta illi din il-ferità kkanġunata f’għonq il-vittma, kienet saret f’għonqu meta huwa kien diġa miet kaġun tad-daqqa ta’ dikkina li nifdet is-sider tal-istess vittma u ppenetrat il-fwied. Ftit tal-ħin wara li l-akkuzata kienet qatlet lil Marcelino Montalban Saraza, hija marret għamlet rapport ġewwa l-Gender Based and Domestic Violence Unit tal-Pulizija fejn irrapurtat illi f’xi ħin qabel
nofsillejl hi kellha argument mal-partner tagħha, u li ntużat sikkina f’dan l-argument.

Il-prosekuzzjoni qed tgħid illi Mayumi Santos Patacsil għamlet rapport mal-Pulizija ta’ vjolenza domestika fejn qalet li hi kienet vittma filwaqt li għaddiet madwar siegħa u nofs sakemm semmiet li kienet ntużat arma waqt dan l-argument.

Hi qaltilhom ukoll illi dan l-argument kien seħħ fl-appartament fejn kienu jirrisjedu t-tnejn li huma flimkien. Illi għalhekk fuq din l-informazzioni, uffiċjal tal-Pulizija, is-Surġent Joseph Attard mar fuq il-post fejn aċċeda fir-residenza fil-Mellieħa fejn sab xena makabra ferm quddiemu.

Il-Pulizija filfatt sabet katavru mixħut fl-art, mgħotti b’kutra ħamra iċċirkondat b’tiċpis tad-dmija. Ma din is-sejba il-post ġie magħluq u preservat, anke permezz ta’ uffiċjal tal-Pulizija li tħalla fixed-point ta’ 24
siegħa mal-post imsemmi.

Irriżulta waqt l-investigazzonijiet illi l-katavru kien ta’ Marcelino Montalban Saraza, il-partner ta’ Mayumi Santos Patacsil, mill-ewwel deher li kellu ferita kbira fin-naħa tal- lemin ta’ sidru u kellu wkoll ferita twila f’għonqu.

Illi waqt li kienu qedgħin jsiru investigazzionijiet fir-residenza, l-akkużata kienet għadha fil-Gender Based and Domestic Violence Unit fejn sussegwentement ġiet infurmata li qed tinżamm taħt arrest fuq suspettat qtil tal-partner tagħha.

Fl-investigazzionijiet tal-Pulizija irriżulta ukoll illi Mayumi Santos Patacsil telqet mir-residenza b’bagalja kbira wara li kienet qatlet lil Marcelino Montalban Saraza u marret għand koppja Filippina oħra bl-ismijiet ta’ Marlon Ranada Bautista u Mariam Capina Castillo. Iżda dawn ħassewhom skomdi ħafna u rrifjutaw li jħallu lill-akkużata Mayumi Santos Patacsil torqod hemm dak il-lejl.

Filfatt Mariam Capina Castillo kienet ikkonfermat li Mayumi Santos Patacsil kienet qaltilhom li kellha argument kbir ma’ Marcelino u li tatu daqqa ta’ sikkina u li hi ħasbet li kienet segħtet qatlitu. Mill-investigazzjonijiet li kompliet twettaq il-Pulizija irriżulta illi Mayumi Santos Patacsil kellha ossessjoni kbira fuq il-partner tagħha.

Hi kienet tibgħat lil nies oħra messaġġi u telefonati li t-tonalità tagħhom dejjem kien wieħed konfrontali, iddisprati u ossessjonat, bl-akkużata ssegwi l-passi tal-partner tagħha għax hi bdiet tossessjona ruħha dwar il-possibilita’ li l-partner tagħha kien qed jkun ma’ nisa oħra u allura kienet tibgħat lil nies oħra sabiex tiċċekkja, il-ħin kollu fejn kien ikun Marcelino Montalban Saraza u xi jkun qed jagħmel;

Filfatt anke il-ġirien tal-akkużata stess ikkonfermaw illi ta’ spiss kienu jisimgħu lil Mayumi Santos Patacsil tiġġieled mal-partner tagħha filwaqt li l-ġirien tagħhom stess iddiskrivewh bħala raġel kwiet, fejn hi kienet takkużah li kien qed jkollu relazzjonijiet ma nisa’ oħra.

It-tieni akkuża tgħid li Mayumi Santos Patacsil filfatt għamlet rapport ta’ vjolenza domestika u kien biss wara li għadda ħafna ħin, madwar siegħa u nofs, li semmiet li kienet filfatt ntużat sikkina. Illi s-sejba ta’ katavru irriżultat biss wara li kien mar is-Surġent Joseph Attard fuq il-post u sab il-ġisem bla ħajja ta’ Marcelino Montalban Saraza.

Għaldaqstant Mayumi Santos Patacsil iddenunzjat lill- reat li taf li ma sarx meta marret tagħmel rapport ta’ vjolenza domestika fittizju. Għalhekk b’għemilha l-akkużata saret ħatja illi marret tagħmel rapport ta’ vjolenza domestika fittizju.

Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mil-Avukati AĠ Kaylie Bonnett u Etienne Savona mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Għall-Filippina qed jidhru l-Avukati Simon Micallef Stafrace u Julia Micallef Stafrace. Il-każ kien investigat mill-Ispetturi Godwin Scerri u Shaun Pawney.