Lokali

Malta għandha tirrikonoxxi l-istat Palestinjan b’mod immedjat

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech laqa’ b’sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-Gvern Malti li se jirrikonoxxi formalment l-Istat Palestinjan.

F’post fuq il-midja soċjali, Bernard Grech fakkar li l-Partit Nazzjonalista ilu xhur isejjaħ għal dan il-pass għaliex jinsab konvint li Malta għandha tkun fuq in-naħa tal-paċi, tal-ġustizzja u tad-dinjità umana.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista sostna li Robert Abela m’għandux jistenna sa Settembru imma għandu jirrikonoxxi l-istat Palestinjan illum qabel għada. Dan apparti li semma’ kif pajjiżna għandu obbligu morali li jgħid b’mod ċar li l-poplu Palestinjan għandu dan id-dritt.

Minn naħa tiegħu, il-Prim Ministru Robert Abela ħa din id-deċiżjoni wara li fl-aħħar jiem numru ta’ pajjiżi ħabbru li se jirrikonoxxi l-istat Palestinjan.

Din mhux l-ewwel darba li Robert Abela għamel din il-wegħda.

Tant li ġimgħat ilu kien qal li f’Ġunju kien se jirrikonoxxi l-istat Palestinjan – wegħda li kienet sfumat fix-xejn.

Iżda wara li Franza kienet l-ewwel pajjiż li ħabbret din id-deċiżjoni, b’numru ta’ pajjiżi oħra mxew fuq dan l-eżempju, Robert Abela ma kienx baqalu għażla oħra għajr li jirrikonoxxi l-istat Palestinjan.

Apparti minn hekk, fl-aħħar jiem komplew l-appelli u l-protesti sabiex b’mod immedjat il-Gvern ta’ Robert Abela jieħu azzjoni konkreta kontra l-ġuħ tal-massa f’Gaza.

Fil-fatt, it-Tlieta filgħaxija numru kbir ta’ attivisti organizzaw protesta fil-Belt fejn appellaw għal pożizzjoni soda u ċara mill-Gvern Malti li tikkundanna lil Iżrael u titlob sanzjonijiet, inkluż li jitħassar il-Ftehim ta’ Assoċċjazzjoni bejn l-UE u Iżrael.

Dan filwaqt li saret sejħa għal projbizzjoni fuq vapuri bil-bandiera Maltija milli jittrasportaw armi u materjal militari lejn Iżrael, flimkien ma’ policy ċara u infurzata li jipprojbixxi li dawn il-vapuri jidħlu fl-ibħra Maltin jew li jingħataw servizzi minn bastimenti f’Malta.