Opinjoni

OPINJONI: Kaos fl-enerġija

L-anzjani u l-vulnerabbli l-agħar li qed jintlaqtu

Louise Anne Pulis
Avukat Espert
fid-Drittijiet Fundamentali u d-Demokratizzazzjoni

Għall-enerġija tar-riħ, ma konniex kapaċi ninvestu lokalment, imma morna nixtru wind farm f’Mozura, li ġie jiswiena tliet darbiet aktar mill-valur reali tiegħu, tant li issa anke d-Deputat Prim Ministru Montenegrin qal lill-Avukat Ġenerali ta’ Malta biex ix-xiri ta’ dan il-wind farm jiġi investigat bir-reqqa.
Fl-2010, Gvern Nazzjonalista kien beda jaħseb għall-istallazzjoni ta’ pannelli solari fuq binjiet pubbliċi, għaliex wara kollox il-Gvern irid ikun l-ixprun li jagħti eżempju, mhux li jgħid mod u jagħmel ieħor.
Mhux talli meta telgħet ix-xemx ġdida dawk li kienu qalulna li riedu jagħtuna arja nadifa u ambjent sabiħ ma komplewx b’din l-istrateġija, talli nsewha totalment.
Ftit tax-xhur ilu, il-Gvern ħabbar inizjattivi għal min ried jistalla pannelli solari, inkluż fuq skala kummerċjali. Għandna ħafna bini kemm pubbliċi u anke privati, parkeġġi għall-karozzi, u toroq fiex nintilfu, fejn dawn jistgħu isiru bla ma nirrovinaw il-ftit għelieqi li baqgħalna.
Taħt Gvern Laburista nbniet power station ġdida li taħdem bil-gass, u din ukoll kienet kienet mifnija bil-korruzzjoni mill-bidu sal-aħħar, apparti li hija mċappsa bid-demm ta’ ġurnalista.
Mhux talli hekk, talli kienet ġiet inawgurata qabel l-elezzjoni tal-2017 meta kienet għadha mhux lesta f’messa in scena li swiet mitt elf ewro. Imma basta taparsi kellna power station state of the art, u li taparsi kienu ser jinqatgħu l-heavy fuel oils.
Għandna l-interconnector li permezz tiegħu nieħdu l-enerġija minn Sqallija li għalkemm alla ħares ma jkunx hu għalina, nistmerruh għax ta’ Gonzi PN, u kull meta jinqata’ d-dawl f’diversi bnadi f’daqqa, dejjem naraw kif inwaħħlu fih. Madanakollu, kollox lest biex jibda x-xogħol fuq it-tieni interconnector.
L-aħħar u mhux lanqas, għandna l-power station li kienet inbniet fi żmien amministrazzjoni Nazzjonalista.
Ma’ dawn, is-sena l-oħra żidna l-power station temporanja li swietna mal-erbgħin miljun ewro.
Taħseb li b’dawn is-sorsi kollha ta’ enerġija, għandna mhux biss biżżejjed biex nikkunsmaw, imma ż-żejjed biex inbiegħu. Fil-fatt, f’Jannar tal-2024, il-gazzetti rrappurtaw li Malta kienet qed tesplora l-possibbiltà li tbiegħ l-enerġija lil-Libja u lill-Eġittu, u saħansitra ġie ffirmat Memorandum of Understanding bejn Malta u l-Eġittu għal dan l-għan.

Il-Gvern bla viżjoni kif se jsolvi problema sejra ħafna
Però f’pajjiżna, sajf wara l-ieħor, u minkejja wegħdi daparti tal-Ministru tal-Enerġija li l-problema ser tissolva, għal tliet snin konsekuttivi, pajjiżna qiegħed jispiċċa kalpestat b’perjodi twal ta’ qtugħ ta’ dawl.
U daqqa għax saħnu jew dabu l-cables, u daqqa għax inqalgħet ħsara f’ xi sub-station, u daqqa għax ġralu xi ħaġa xi boiler, u daqqa għax żdied il-konsum, u daqqa għax inqalagħlu xi saram l-interconnector – l-iskużi daparti tal-Gvern ma jieqfux.
U x’ma ssuġġerewlniex biex nagħmlu? Min jgħidilna nżommu paċenzja u jibagħtna naqraw ktieb, min jgħidilna biex niffriżaw l-iskart organiku, generators industrijali meħuda f’diversi lokalitajiet biex itaffu mit-tgergir tan-nies, waqt li povri jkunu dawk li quddiemhom jitpoġġew dawn il-generators għax ivenvnulhom id-dar bid-damdim u l-istorbju apparti li jifgawhom bid-dħaħen.
U għaliex qiegħed ikollna dad-diżastru kollu? Għax minkejja li l-Awtoritajiet u Bordijiet dejjem ifaqqsu, ippjanar ma jeżistix. Li noħolmu bil-lejl, inqumu nwettquh bla pjan ta’ implimentazzjoni, imbagħad għada jarah Alla.
Addio kliem ix-xiħ li tifrex ġurnata biex torqod siegħa. F’dawn l-aħħar tnax-il sena l-Awtorità tal-Ippjanar ħarġet permessi għal żvilupp qishom pastizzi. Djar li fihom kienet toqgħod familja waħda spiċċaw blokok ta’ appartamenti li fihom joqogħdu erba’ familji jew aktar, torrijiet, supermarkets u stabbilimenti kummerċjali ifaqqsu kull fejn iddawwar wiċċek, biex ma nsemmux iż-żieda fil-lukandi u l-boutique hotels.
Il-popolazzjoni żdiedet drastikament f’dawn l-aħħar snin bl-importazzjoni ta’ għexieren ta’ eluf ta’ third country nationals. Biżżejjed ngħidu li skont l-aħħar statistika, jirriżulta li kważi wieħed minn kull tliet persuni li jgħixu f’Malta huwa barrani. Ma’ dawn, Malta qed tilqa’ fi ħdanha aktar minn tliet miljun u nofs turist fis-sena u jiġifieri kważi tliet mitt elf turist fix-xahar. Dawn kollha jikkunsmaw l-elettriku, speċjalment fis-sajf.
Ġew investiti aktar minn seba’ mitt miljun ewro għal toroq ġodda. Minkejja li bosta mill-istess toroq saru u reġgħu nqalgħu għal aktar minn darba, il-cables tal-elettriku li kienu għaddejjin taħt l-art ma ġewx sostitwiti.
L-Awditur Ġenerali fir-rapport tiegħu wara l-qtugħ ta’ dawl estensiv fl-2023, ikkonkluda li l-Enemalta ma investietx fid-distribuzzjoni tal-elettriku partikolarment fil-high-voltage network.
Ikkonkluda ukoll li filwaqt li bejn l-2014 u l-2023 kien hemm ftit investiment fil-low voltage u xi meters ġodda, l-investiment fil-highvoltage network naqas.
L-Awditur Ġenerali sab ukoll li l-Enemalta naqset mli tippubblika l-pjanijiet għall-iżvilupp tan-network tal-elettriku u m’għaddiethom qatt lir-Regolatur kif rikjest mil-Liġi.
Wara li ġie konkjuż ir-rapport tal-Awditur Ġenerali, l-Enemalta ħabbret li kienet ser tinvesti disgħin miljun Ewro biex tissaħħaħ is-sitema ta’ distribuzzjoni, li kien jinkludi tqegħid ta’ cables ġodda u bini ta’ substations ġodda.
Toroq li kienu għadhom kemm saru kellhom jerġgħu jinqalgħu biex jiġu mgħoddija cables ġodda, għax li taħseb għat-tibdil ta’ cables u sevizzi waqt li qed tibni triq mill-ġdid jew taqlagħha, donnu għal dal-Gvern inkonċepibbli. Minkejja li nbidlu mijiet ta’ kilometri ta’ cables, il-problema baqgħet ma ġietx riżolta.
U x’qiegħed jiswielu lill-poplu n-nuqqas ta’ ppjanar u l-implimentazzjoni tal-mudell ekonomiku bla ħsieb ta’ Gvern Laburista? Il-lista interminabbli, pero’ ma nistax ma nsemmix is-segwenti tbatijiet:
■ Qiegħed iħalli piż finanzjarju fuq in-nies li jkollhom jarmu l-kontenut tal-fridges u l-freezers.
■ Qiegħed jikkaġuna piż finanjajru kbir għan-neġozjanti.
■ Qiegħed iħalli impressjoni ħażina ta’ pajjiżna mat-turisti.
■ Qiegħed joħloq piż finanzjarju u inkwiet għal dawk il-pazjenti morda li jkollhom mediċinali maħzuna fil-fridges.
■ Qiegħed joħloq tbatijiet kbar u periklu għas-saħħa ta’ persuni li jużaw apparat elettriku biex jgħinnhom fil-ħajja tagħhom.
■ Qiegħed joħloq tbatijiet kbar għal ommijiet bi trabi zgħar.
■ Qiegħed joħloq tbatijiet għall-annimali domestiċi, u anke jikkaġuna l-mewt ta’ ħut tal-aquariums.
■ Qiegħed joħloq tbatija żejda għal dawk li jgħixu f’ appartamenti li ma jkunux jistgħu jużaw lift.
■ Qiegħed joħloq tbatija għal dawk li wara lejl ma jistgħux jorqdu bis-sħanat, ikollhom imorru għax-xogħol filgħodu.
■ Qiegħed joħloq ħafna frustrazzjoni fin-nies.
■ Qiegħed jaffettwa b’ mod negattiv it-temperament u s-saħħa mentali tan-nies.
■ Qiegħed jipperikola s-saħħa u l-ħajja ta’ dawk li jużaw magni tal-ossiġinu.
■ Qiegħed joħloq perikolu kbir għas-saħħa u l-ħajja ta’ dawk morda, b’ diżabbiltà u dawk vulnerabbli.
■ Qiegħed jikkaġuna mwiet bla bżonn.

Problema ripetuta sajf wara sajf
Fl-ewwel sajf ta’ qtugħ ta’ dawl waqt mewġa ta’ sħana tliet snin ilu, mietu aktar minn mitejn persuna, ħafna minnhom vulnerabbli. Għaliex?
Bosta żgur semgħu li persuna tista’ tmut b’ hypothermia, u ċioè bil-bard, però persuna tista’ tmut ukoll b’hyperthermia, u ċioè bis-sħana.
Meta persuna, speċjalment jekk tkun vulnerabbli, iddum għal ħin twil fi sħana tremenda bla mezz kif tista’ tiffriska ruħha, it-temperatura ta’ ġisimha togħla b’mod perikoluż. Dan iwassal għal konsegwenzi serji li jvarjaw minn telqa, bugħawwieġ, qtugħ ta’ nifs, ħsara f’diversi organi inkluż fil-moħħ, attakki ta’ qalb u mewt.
Meta d-dawl idum ma jiġi lura, ikun hemm problemi fir-reverse osmosis, u ħafna lokalitajiet jispiċċaw bla ilma wkoll.
Meta’ jinqata’ d-dawl jieqfu l-pompi tad-drenaġġi, u ħafna drabi dan ikun ifisser inkwinament tal-baħar u tal-bajjiet, li fis-sajf kulħadd ifittex biex jiffriska ftit.
Dan biex ma nsemmux il-vultaġġ jilgħab qabel jinqata’ d-dawl u wara li jiġi lura, li jikkaġuna ħsarat fl-appliances tal-elettriku.
Biex tkompli tgħaxxaq minkejja l-investiment imħabbar ta’ seba’ mitt miljun ewro għal Project Green mhux talli ma sar ebda proġett ta’ riafforestazzjoni, talli qed jiġi permess żvilupp f’siti Natura 2000.
Aktar mli qed jitħawlu siġar, qed naraw ħafna u ħafna konkos. Fejn isir taħwil, qed jintużaw ħafna arbuxxelli, li filwaqt li jafu jidhru sbieħ għall-għajn, m’għandhomx l-istess funzjoni tas-siġar. Studji xjentifiċi juru li l-konkos jassorbi s-sħana mal-ġurnata u jirrilaxxaha filgħaxija, filwaqt li t-tarmac tat-toroq jassorbi s-sħana malajr u jżommha fih tant li t-temperatura tat-tarmak tkun ħafna ogħla mit-temperatura tal-arja u dan ikompli jżid is-sħanat fil-bliet u rħula.
Studji xjentifiċi juru wkoll li s-siġar mhux biss inaddfu l-arja u jipproduċu l-ossiġinu, talli jipprovdu dell, u li t-temperatura taħthom tkun sa għaxar gradi Celsius anqas mit-temperatura tal-arja.
Spiċċajna li anke b’ħafna nies li normalment iħobbu s-sajf, saru jieħdu qatgħa li jasal, minħabba t-tbatijiet u l-frustrazzjonijiet li jġib miegħu l-qtugħ tad-dawl meta jibdew jogħlew it-temperaturi, u speċjalment meta jibdew il-mewġiet tas-sħana.
Dil-ġimgħa għaddejjin minn mewġa ta’ sħana oħra. Naħseb li lkoll irċevejna messaġġ mill-Ministeru tas-Saħħa biex nevitaw ix-xemx, nixorbu ħafna ilma u noqogħdu għall-frisk. Imma jekk jinqatagħlek id-dawl u lanqas biċċa fann ma tkun tista’ tixgħel, kif tista’ żżomm ruħek frisk?
Il-mijiet ta’ miljuni li ntefqu fuq il-power station tal-Electrogas, il-mijiet ta’ miljuni li ntefqu fit-toroq, u fil-Project Green, l-għexieren ta’ miljuni li ntefqu fil-power station temporanja u fil-generators industrijali flimkien jammontaw għal biljuni ta’ ewro.
Madanakollu l-poplu Malti għadu jsofri sal-lum – għax għall-korruzzjoni u n-nuqqas ta’ ħsieb tħallas inti, il-familjari, u l-maħbubin, bi flusek, bis-saħħa mentali tiegħek, b’saħħtek u anke bil-ħajja tan-nies.
Filwaqt li ħadd fil-poter jibqa’ ma jerfa’ responsabbiltà anke fid-dawl ta’ mwiet inutli, jixxaħħu miegħek, imma mbagħad iberbqu l-miljuni ta’ ewro f’festivals tal-films, fi propaganda u reklamar.
Imma l-aqwa li jgħidulek li ġej futur sabiħ!

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument  tal-Ħadd 27  ta’ Lulju, 2025.