minn Luke Said
Kandidat
Partit Nazzjonalista
L-għan tal-proġett hu wieħed nobbli: li jiġbor u jittratta ilma mormi biex jerġa’ jintuża fl-agrikoltura. F’Għawdex, fejn l-ilma hu ġojjell u kull qatra tgħodd, dan kollu jagħti palata lill-bdiewa taħt pressjoni kbira — bejn nixfa, bejn spejjeż għoljin, u bejn nuqqas ta’ ħaddiema.
Imma l-kliem sabiħ ma jnixxix ilma.
Is-saga tal-wegħdiet
Biex nifhmu kemm dam dan il-proġett, ejja nħarsu lejn xi stqarrijiet pubbliċi:
■ 6 ta’ Marzu 2017 – PM Joseph Muscat: “L-impjant jinsab fi stat avvanzat u se jiġi kkummissjonat.”
■ 6 ta’ Novembru 2017 – Joe Mizzi: “Il-produzzjoni għadha ma bdietx.”
■ Ottubru 2018 – Joe Mizzi: “L-ilma beda jitqassam minn tliet dispensing points.”
■ 15 ta’ Marzu 2021 – Miriam Dalli: “Il-proġett mistenni jitlesta f’Marzu 2022.”
■ 7 ta’ Novembru 2022 – Miriam Dalli: “Il-proġett tlesta f’Ottubru 2022 u 600 bidwi qed jibbenefika.”
■ 22 ta’ Novembru 2022 – Stqarrija korrettiva: “Fil-fatt tlesta biss in-network. Dispensing points għadhom.”
■ 23 ta’ Ottubru 2023 – Miriam Dalli: “Ix-xogħol beda, iżda l-proċess ittawwal minħabba titjib fid-disinn.”
■ 23 ta’ April 2024 – Miriam Dalli: “L-installazzjoni għandha tkun lesta fil-ġimgħat li ġejjin. It-tħaddim mistenni fit-tielet kwart tal-2024.”
■ 11 ta’ Marzu 2025 – Miriam Dalli: “Is-sistema mistennija topera lejn nofs l-2025.”
U issa, qegħdin f’Lulju 2025. Xorta mhux qed taħdem. Il-wegħdiet baqgħu kliem vojt.
Bdiewa mfixkla u frustrati
Il-bdiewa f’Għawdex ilhom jippjanaw fuq din is-sistema. Xi wħud investew f’għodod u pajpijiet biex jikkonnettjaw magħha. Oħrajn kellhom ifittxu sorsi oħra ta’ ilma — għoljin u mhux dejjem affidabbli.
Ħadd ma ħaseb li wara tmien snin se jkunu għadhom mingħajr sistema li taħdem.
Dan mhux biss każ ta’ ħsarat tekniċi jew dewmien — dan hu nuqqas ta’ rispett lejn settur li jrawwem lil artna u jmantni l-ikel tagħna.
L-ilma hu ħajja — mhux lussu
Il-kunċett wara New Water hu tajjeb u għadu validu. Għandna bżonn nirriċiklaw l-ilma, speċjalment meta s-sajf qed isir dejjem aktar qalil u l-klima dejjem inqas prevedibbli.
Imma jekk proġett tant importanti jkompli jogħtor taħt il-kaxxi, il-laqgħat u l-iskużi, qegħdin tassew ngħażqu fl-ilma!
Messaġġ ċar
Lill-Ministru Miriam Dalli u lil dawk responsabbli minn dan il-proġett: Daqshekk skużi. Daqshekk deadlines li ma jitħarsux. Il-bdiewa Għawdxin jistennew azzjoni — mhux aktar kliem.
Għawdex ma jistax jibqa’ jittama f’xita li ma tiġix. Jeħtieġ sistema li taħdem – u li taħdem ISSA.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 27 ta’ Lulju, 2025.
//= $special ?>