Lokali Parlament

Problemi kbar ta’ saħħa mentali kaġunati minn sustanzi perikolużi f’ċertu parties

Claudette Buttigieg, PN

Id-Deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg qalet fil-Parlament li qed jinħolqu problemi kbar ta’ saħħa mentali kaġunati minn sustanzi perikolużi partikolarment f’ċertu parties.

Claudette Buttugieg semmiet il-COVID u qalet li parti mid-diskussjoni kienet dwar bilanċ bejn il-libertà tal-persuna u l-bżonnijiet tas-saħħa fuq livell nazzjonali.

F’dawk iż-żminijiet il-pajjiż ħa deċiżjonijiet kbar, sostniet Claudette Buttigieg li spjegat kif mir-riċerka ħareġ it-tilqim li tejjeb is-sitwazzjoni. Illum għad hemm diversi każijiet ta’ COVID u għad hemm nies li m’għadhomx jitħalltu minħabba t-tixrid tal-mard. Hi appellat biex il-pubbliku jieħu l-prekawzjonijiet kollha meta jkun hemm nies morda. Dan ma jsirx meta jkunx hemm turija ta’ nuqqas ta’ rispett.

Id-deputat Nazzjonalista qalet li hemm mard li jinxtered u mard li ma jinxteridx iżda jinsab f’livelli għoljin li qed jikkaġunaw problemi kbar. Dwar il-mard li jittieħed, id-deputat Nazzjonalista qalet li hemm il-mard trasmess sesswalment fejn jirriżulta li hawn mard li kien maħsub li nqata’ iżda qed jerġa’ jidħol fl-pajjiż. Dan hu mard perikoluż immens u għandu konsegwenzi devastanti fuq il-popolazzjoni. Hi staqsiet jekk għadux isir l-iscanning tat-tuberkolożi.

Claudette Buttigieg qalet li l-poplu qed ikun indifferenti għall-problemi tas-saħħa mentali; liema problemi jinsabu fid-dinja kollha. Hi semmiet is-solitudni u qalet li minn stdju li sar jirriżulta li x-xejriet tal-2019 u l-2022 fejn 5% tal-popolazzjoni huma weħdihom kemm emozzjonalment u soċjalment.

Id-deputat Nazzjonalista appellat biex isir iktar quddiem din l-isfida u semmiet il-mewt ta’ Karl Gouder u Jan Pace li tilfu ħajjithom fl-aqwa tagħhom. Dawn ma kinux weħidhom u kellhom ħafna nies iħobbuhom iżda hawn realtajiet li mhumiex ikunu iffaċċjati sew. Din hi problema tant serja fil-pajjiż iżda wara ftit ħin mill-imwiet, in-nies qed tinsa kollox.

Hemm rabta serja bejn din is-sitwazzjoni, l-alkoħol u l-abbuż tad-droga, sostniet Claudette Buttigieg, li qalet li qed ikun hemm wisq affarijiet problematiċi f’ċertu parties fejn wara l-abbuż minn sustanzi fihom, il-persuni jħossuhom weħidhom b’moq perikoluża ħafna. Dan hu ċirku ta’ rġiel gay li qed ikunu esposti għal dawn is-sitwazzjonijiet, sostniet id-deputat Nazzjonalista, li kompliet li din ir-realtà mhijiex qed tkun iffaċċjata fil-pajjiż.

Id-deputat Nazzjonalista kompliet li l-qafas leġiżlattiv jeħtieġ ikun trattat u appellat biex jibdew isiru testijiet fuq xufiera u fuq persuni oħra għaliex hemm sustanzi ta’ droga sintetika li ma tistax tkun maqbuda.

Jeħtieġ ikun hemm iktar investiment fis-saħħa mentali, sostniet Claudette Buttigieg, li kompliet li jeħtieġ iktar kampanji preventivi. Liż-żgħażagħ irridu ngħidulhom il-verità dwar l-effetti tas-sustanzi li jieħdu, sostniet Claudette Buttigieg, li appellat biex l-NGOs ikunu megħjun kif meħtieġ.

Il-pajjiż jeħtieġ isaħħaħ il-kollaborazzjoni bejn entitajiet differenti; u fejn din issir ikun hemm riżultati, sostniet id-deputat Nazzjonalista, li qalet li tinsab inkwetata bl-inċidenti li seħħew fl-aħħar ġranet.