Alexander Whiteford, ta’ 47 sena, ingħata l-ħelsien mill-arrest l-Erbgħa, hekk kif qed jiffaċċja akkużi ta’ frodi u miżapproprjazzjoni ta’ €167,000 għad-dannu ta’ anzjana li magħha kien f’relazzjoni romantika. Whiteford qed jiġi akkużat li kiseb il-flus taħt pretensjonijiet foloz, kisba frawdolenti u miżapproprjazzjoni, filwaqt li l-koakkuzat tiegħu, Andre Frendo, qed jiġi akkużat biss b’miżapproprjazzjoni. Iż-żewġt irġiel qed iwieġbu mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontrihom.
Il-Qorti kienet diġà semgħet kif l-anzjana kienet iltaqgħet ma’ Whiteford permezz ta’ qarib tagħha li jinsab il-ħabs. Huma żviluppaw relazzjoni personali u, bħala parti mill-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest tiegħu, l-anzjana aċċettat li tkun garanti għalih.
Wara li ngħata l-ħelsien mill-arrest, Whiteford ipperswadiha tagħtih €100,000 permezz ta’ att ta’ donazzjoni biex jiftaħ negozju. Aktar tard, hija tagħtu wkoll €55,000 oħra bl-istess intenzjoni. Il-flus inġibdu gradwalment mill-kontijiet tagħha u ngħataw lil Frendo biex jgħaddihom lil Whiteford.
Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Leonard Caruana, tat il-ħelsien mill-arrest lil Whiteford fuq depożitu ta’ €4,000 u garanzija personali ta’ €5,000. Huwa ġie ordnat jiffirma l-Għassa tal-Pulizija tliet darbiet fil-ġimgħa. Fuq Whiteford ukoll ġew imposti ordni ta’ curfew, ordni ta’ superviżjoni u ordni ta’ trattament.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-avukati Yvette Borg Cardona u Martina Muscat, assistiti mill-Ispettur tal-Pulizija Ylenia Scerri. Whiteford kien rappreżentat mill-avukati Charles Mercieca u Ishmael Psaila. L-anzjana allegata vittma kienet rappreżentata mill-avukati Franco Debono u Anthea Bonnici Zammit.
//= $special ?>