Lokali

Rispons pożittiv mill-Għaqda Bdiewa Attivi

Ir-rispons li wasal għand l-Għaqda tal-Bdiewa Attivi mingħand l-organizzazzjonijiet agrikoli  dwar ir-Regolamenti l-ġodda biex jinżammu l-Artijiet Agrikoli kien wieħed pożittiv – taħlita ta’ serħan il-moħħ, sodisfazzjon u sorpriża.

L-Għaqda qalet fi stqarrija li r-reazzjoni għal din il-Liġi minn stakeholders oħra kienet kif mistenni. L-Għaqda sostniet li din hi l-esperjenza tagħna mal-ippjanar.

Għalhekk, il-kunċett ta’ dawn ir-Regolamenti l-ġodda bħala blueprint biex tiġi mħarsa u ppreservata l-art agrikola huma ta’ sorpriża lil kulħadd. Politika li għandha l-għan li tippjana ’l quddiem u toħloq użu aktar xieraq għal waħda mir-riżorsi limitati ta’ Malta – l-art – li għandha bilfors tiggwida u tirregola kif dak ir-riżors jista’ jintuża.

L-Istat għandu obbligu li jmexxi u jiggverna għall-ġid komuni – u żgur li m’hemmx ġid pubbliku aktar nobbli mill-produzzjoni ta’ ikel u nutrizzjoni għan-nazzjon.

Għal dawk li għandhom art li bħalissa tintuża biss għal skopijiet rikreattivi, l-Għaqda tirrakkomanda li jkun hemm pass lura u jiġu kkunsidrati l-għażliet b’mod serju. Ir-Regolament il-ġdid ma jeskludix l-attività rikreattiva, iżda jiżgura li l-art titkabbar.

L-uniku kundizzjoni hija li dan kollu ma jistax isir bl-ispiża tal-produzzjoni tal-art. Hemm diversi għażliet biex tinżammu art produttiva, u l-Għaqda se tkun aktar minn lesta biex tgħin.