Tabib mir-Renju Unit qed jaffaċċja proċeduri dixxiplinarji ġodda f’pajjiżu wara li ġie kkundannat f’Malta seba’ snin ilu talli importa droga f’pakkett li bagħat lilu nnifsu bħala parti minn ċelebrazzjoni tal-għeluq sninu. Sean Welsh, illum ta’ 31 sena u jgħix f’Liverpool, kien ammetta li f’Marzu tal-2018, meta kien għadu student fl-Università ta’ Malta, li importa sitt grammi kannabis u tmien grammi ketamina f’pakkett li minn Liverpool wasal Malta b’posta.
Il-pakkett kien identifikat minn Maltapost u “controlled delivery” kienet wasslet għall-arrest tiegħu. Il-Pulizija Maltija akkużatu b’importazzjoni u pussess ta’ droga, iżda d-difiża kienet sostniet li kienet għal użu personali. Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Joe Mifsud, imponiet piena ta’ 12-il xahar ħabs sospiża għal sentejn u multa ta’ €500.
Issa, snin wara u wara li rritorna l-Ingilterra u beda jipprattika bħala tabib, Welsh qed jaffaċċja proċeduri dixxiplinarji mill-Kunsill Mediku Ġenerali (GMC) għax naqas milli jiddikjara din il-kundanna meta applika biex jingħaqad mal-programm ta’ taħriġ tal-UK Foundation Programme fl-2019.
Il-kawża tgħid li Welsh “għażel li jibqa’ sieket” dwar il-kundanna kriminali tiegħu minħabba l-biża’ li l-karriera tiegħu tispiċċa qabel ma tibda. Il-fatt li kien ikkundannat f’Malta ġie żvelat biss aktar tard meta applika għal xogħol bħala tabib u saret verifika fuqu mill-aġenzija responsabbli.
Waqt l-iskrutinju, Welsh irrakkonta kif, waqt festin ta’ Lejlet l-Ewwel tas-Sena fl-2017, kien iltaqa’ ma’ raġel – ħabib ta’ kuġinuh – li kellu l-ħsieb jattendi l-festival ‘Lost and Found’ f’Malta. Qal li dak ir-raġel staqsieh dwar kif jista’ jakkwista droga f’Malta, u għalkemm hu ma jużax, “bi bluha” ta l-indirizz tiegħu u aċċetta li jirċievi pakkett f’ismu.
Qal li t-tir kien li jaslu żewġ kartolini bid-droga – u waħda minnhom fil-fatt waslet għand Welsh u ġiet interċettata mill-awtoritajiet. Welsh insista li ma kienx fetaħ il-pakketti u ma kienx jaf x’kien hemm ġew, iżda ammetta li kien żball kbir u aġir li jiddispjaċih bih kull ġurnata.
“Kont insejt xi ħaġa bażika bħall-fatt li kont fi stat barrani,” qal Welsh. “Kelli ħbieb ftit, ħafna studenti kienu miżżewġa jew bi tfal u jien kont eżiljat. Ridt nurihom li kont ‘cool’. Issa naf li kienet bluha kbira.”
Il-kawża dixxiplinarja trid tiddeċiedi jekk dan l-aġir u n-nuqqas ta’ trasparenza jagħmlux lil Dr Welsh mhux adatt biex jopera bħala tabib fir-Renju Unit. Welsh qal lill-panel, “Nixtieq inkun tabib. Huwa l-aħjar ħaġa li ġratli. Irrid inkun xi ħadd li l-pazjenti jafdaw.”
Il-proċeduri għadhom għaddejjin.
//= $special ?>