Ftit tas-sigħat ilu seħħ terremot ta’ 8.8 fuq l-Iskala Richter fil-Lvant tar-Russja. Kawża ta’ dan għadd ta’ pajjiżi fosthom il-Ġappun, l-Indonesja, l-Filippini, Hawaii, l-Peru, l-Ekwador, kif ukoll in-naħat tal-Lbiċ tal-Amerika, l-Messiku u l-Kolombja kellhom twissija ta’ tsunami, tant li miljuni ta’ persuni ġew evakwati minn dawn iz-zoni.

Ir-Russja ħabbret stat ta’ emerġenza fid-distrett ta’ North Kuril fejn seħħ it-terremot. Ir-raħal ta’ Severo-Kurilsk ġie milqut minn 4 mewġ tat-tsunami, bl-iżjed waħda għolja tilħaq il-5 metri. L-awtoritajiet Russi qalu li xi persuni ndarbu, iżda ma qalux x’inhu n-numru ta’ persuni eżatt.
Filwaqt li l-Ġappun raw il-mewġ jikber minn 20 ċentimetru għal 1.3 metri, u minħabba li stennew li l-mewġ se jikber, huma ordnaw l-evakwazzjoni ta’ kważi 2 miljun persuna miz-zoni ta’ riskju għoli. Iz-zoni affetwati jinkludu Fukushima, Miyagi u Iwate, u l-mewġ kien mistenni jilħaq madwar 3 metri.
Il-ħaddiema tal-impjant nukleari ta’ Fukushima fil-Ġappun ġew evakwati wkoll bħala prekawżjoni, speċjalment wara l-effetti devastanti tad-disastru nukleari li seħħ wara terremot ta’ 9.0 fuq l-Iskala Richter f’din iz-zona fl-2011.


F’Hawaii, mewġ ta’ madwar 1.21 metri laħaq iz-zona ta’ Haleiwa f’O’ahu, iżda jidher illi sa issa, ma ġewx irrapurtati xi ħsarat. Għadd ta’ xelters ta’ emerġenza nħolqu madwar il-gżira biex jippreparaw għal possibilita’ ta’ iżjed mewġ. Filwaqt li f’Maui, mewġa ta’ 1.75 metri laħqet ir-raħal ta’ Kahului, u fi Guam il-mewġ qed jilħaq it-30 ċentimetru. Iżda t-theddida ta’ tsunami f’dawn il-postijiet m’għadiex preżenti.
F’Kalifornja, fiz-zoni ta’ Arena Cove u Monterey, il-mewġ qabżu l-metru, filwaqt li l-bqija tal-kosta tal-lbiċ għadha taħt allert. Il-mewġ qed jilħaq ukoll il-kosti ta’ Seattle, San Francisco, Washington u Oregon.

Fl-aħħar ħin, l-Awtorità Nazzjonali tal-Oċeani u l-Atmosfera ħarġet ukoll theddida ta’ tsunami f’Papua New Guinea, Solomon Islands u Vanuatu. Huma wkoll qed iħeġġu lin-nies biex jassiguraw li għandhom ilma, ikel, mediċini, u dokumenti importanti lesti fil-każ ta’ evakwazzjoni.
Dan it-tsunami qed jitqies bħala l-aktar terremoti qawwija li laqat ir-Russja mill-1952, u s-sitt l-iżjed qawwi fl-istorja tad-dinja, u seħħ fiz-zona magħrufa bħala ‘Ring of Fire’ – li għandha tendenza għolja li jkollha attivita’ sejsmika.


Masashi Kiyomoto, uffiċjal mill-Aġenzija Meteoroloġika Ġappanża, sostna li t-theddida ta’ tsunami se tibqa’ għaddejja mill-inqas sa’ ġurnata oħra.
Filwaqt li Sue Dawson, professur ta’ hazard geoscience mill-Università ta’ Dundee f’Skotlandja, sostniet li l-pożizzjoni tat-terremot ‘il barra mill-kosta tar-Russja toħloq riskju għall-oċean Paċifiku kollu.
//= $special ?>