Lokali

Għall-ewwel darba wara snin twal, il-kumpanija Net Media se tibbilanċja l-kotba tagħha

L-accounts awditjati tal-PN se jiġu preżentati fil-ġimgħat li ġejjin

Se jkun tragward importanti din is-sena għall-midja tal-PN, bil-kumpanija wara snin twal mistennija tibbilanċja l-kotba tagħha… filwaqt li komplew jissaħħu l-udjenzi, anke online u fuq il-midja soċjali. Apparti minn hekk, fil-ġimgħat li ġejjin se jiġu ppreżentati l-audited accounts tal-Partit Nazzjonalista.

Dan ħabbruh il-Kap tal-PN Bernard Grech u s-Segretarju Ġenerali tal-PN Charles Bonello meta waqt laqgħa tal-Eżukattiv ġie ppreżentat rendikont tal-ħidma tal-PN, tal-midja tiegħu, u l-entitajiet kummerċjali li jaqgħu taħt il-partit – fejn Bernard Grech spjega kif illum, il-PN jinsab f’pożizzjoni finanzjarja aktar b’saħħitha.

Waqt din il-laqgħa ġie spjegat kif fuq inizjattiva ta’ Bernard Grech fix-xhur li għaddew, l-AŻAD flimkien mal-PN beda jħejji sabiex jiġi organizzat kors ieħor bl-isem ta’ Future Leaders, li mistenni jibda f’Settembru li ġej. Dan filwaqt li ċ-ċentru Informa reġa’ ħa l-ħajja.

Tul l-aħħar ħames snin komplew jiġu kkumerċjalizzati diversi propjetajiet tal-Partit Nazzjonalista. U fix-xhur li ġejjin se jsir eżerċizzju sabiex jinkrew kummerċjalment aktar każini.

Issemma’ kif l-ELCOM hija fergħa oħra essenzjali fi ħdan il-PN li qed tħejji sistema ġdida u aktar effiċjenza.

Ġie spjegat ukoll li ser jingħalaq it-Trust li kien infetaħ aktar minn 11-il sena ilu; u dan ser ikun tħallas kollu kemm hu. Dan apparti li l-loans mal-banek naqsu.

F’dak li għandu x’jaqsam ma’ ċedoli, ġie assigurat li ċ-ċedoli kollha qed jiġu indirizzati u jinstabu kollha aġġornati.

Apparti minn hekk, fil-ġimgħat li ġejjin il-PN ser jippreżenta r-rapporti finanzjarji għas-sena 2022, hekk kif dawk tas-sena 2021 diġà ġew ippreżentati. Huwa previst ukoll li fil-ġimgħat li ġejjin ser jiġu ppreżentati l-audited accounts għas-snin 2021 u 2022.

L-Eżekuttiv ġie aġġornat dwar il-proġett tal-pannelli fuq id-Dar Ċentrali u anke fuq il-Każin ta’ Raħal Ġdid – investiment li qed irendi l-frott.

Imbagħad, fil-qasam tal-midja huwa previst li l-kumpanija din is-sena, wara ħafna u ħafna snin, tispiċċa s-sena finanzjarja bil-kotba bilanċjati. Dan fl-istess waqt li fl-iskeda ta’ dan is-sajf, hemm investiment qawwi fil-programmi.

U l-istess se jsir fl-iskeda ta’ Net TV u Net FM minn Ottubru hekk kif ser jiżdiedu l-programmi politiċi kemm fuq it-televiżjoni u anke fuq ir-radju, kif ukoll diversi uċuħ ġodda.

Intant, sabiex il-PN ikompli jiffunzjona b’mod effiċjenti kif ukoll sabiex dejjem tissaħħaħ il-ħidma, fuq proposta ta’ Bernard Grech tnieda proċess ta’ tiġdid fl-istatut.