Ir-Russja wettqet attakk kbir bil-missili u d-drones fuq il-kapitali tal-Ukrajna, Kiev, matul il-lejl tal-Ħamis.
Skont uffiċċjali Ukreni, f’dan l-attakk sfaw maqtula mill-inqas sitt persuni filwaqt li ndarbu 52 persuna. Fost il-vittmi kien hemm tifel ta’ 6 snin. Bini residenzjali ta’ disa’ sulari ġarrab ħsara kbira, b’parti mill-istruttura tiġġarraf kompletament.
It-timijiet tal-emerġenza marru fil-post sabiex jassistu u jsalvaw persuni li spiċċaw maqbuda taħt it-terrapien.
L-attakki affettwaw mill-inqas 27 zona madwar Kiev, bl-agħar ħsara tkun ikkawżata fid-distretti ta’ Solomianskyi u Sviatoshynskyi.
Ir-residenti sfidaw it-twissijiet tal-Pulizija u rritornaw fil-postijiet milquta f’tentattiv biex forsi jsibu xi affarijiet personali tgħhom, mill-fdalijiet li kien fadal.
Il-Kap tal-Amministrazzjoni Militari tal-Belt ta’ Kiev, Tymur Tkachenko, ikkonferma li saret ħsara sinifikanti fuq l-infrastruttura residenzjali. U sezzjoni sħiħa ta’ bini residenzjali ġiet meqruda.
Il-President tal-Ukrajna Volodymyr Zelenskyy ikkonferma l-attakk permezz ta’ Telegram, u ddeskriva l-attakk bħala tweġiba għas-sejħiet kontinwi tal-Ukrajna għall-paċi… u l-appoġġ li qed jingħata dan il-pajjiż mill-Istati Uniti u l-Ewropa.
Skont il-President Zelenskyy, il-forzi Russi wettqu wkoll attakki fuq reġjuni oħra matul il-lejl, inklużi Dnipro, Poltava, Sumy, u Mykolaiv.
L-awtoritajiet Ukreni rrapportaw li madwar 300 drone u tmien missili ntużaw fl-attakk.
Il-Prim Ministru tal-Ukrajna u l-Ministru tal-Intern żaru z-zoni affettwati, u wrew solidarjetà mal-qraba tal-vittmi u l-ħaddiema tas-salvataġġ.
//= $special ?>