Kienet ċelebrazzjoni li tmiss il-qlub – tislima xierqa liċ-ċkejken Noah, li ħajtu ntemmet ħesrem f’inċident traġiku li seħħ ftit tal-jiem ilu fix-Xagħra.

Waqt dan il-funeral spikka l-kulur abjad – għaliex Noah kien simbolu ta’ innoċenza u l-familja riedet li din tkun il-festa ta’ ħajtu, mhux ta’ tmiemu.

Il-funeral beda b’korteo mill-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, sabiex imbagħad saret quddiesa fis-Santwarju Ta’ Pinu li tmexxiet minn Richard Nazzareno Farrugia. Fejn it-tebut tpoġġa fuq il-fonti tal-magħmudija. Il-fonti huma t-tifsira tal-ġuf tal-knisja, li minnu jitwieldu l-ulied.
L-Arċipriet tal-Bazilika ta’ San Ġorg Joseph Curmi waqt l-omelija spjega li fl-aħħar jiem Noah wassal lil Alla f’ħafna qlub, hekk kif dan iċ-ċkejken biddel ħafna qlub u ressaq ħafna qlub lejn Alla. Tenna li Noah jinsab ħaj u li hu flimkien mal-familja tiegħu laħqu l-iskop tagħhom.

Għall-funeral kien hemm preżenti fost l-oħrajn il-Kap tal-PN Bernard Grech, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola, il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Perici Calascione, is-Segretarju Ġenerali Charles Bonello u numru ta’ deputati miż-żewġ naħat tal-Kamra u diversi personalitajiet. Dan apparti ħbieb tal-familja – speċjalment ħbieb ta’ ħut Noah.

Intant, fi tmiem il-quddiesa l-ġenituri ta’ Noah flimkien ma’ ħutu ppreżentaw bukett fjuri bojod lill-Inkwatru tal-Madonna ta’ Pinu bħala turija ta’ ringrazzjament lil dawk kollha li attendew u li kienu hemm fil-mumenti daqstant diffiċli.


