Il-Bank of Valletta ħabbar prestazzjoni finanzjarja pożittiva u sostnuta fl-ewwel nofs tas-sena 2025, bi qligħ qabel it-taxxa għall-Grupp BOV ta’ €135.1 miljun. Dan ir-riżultat jirrifletti r-reżiljenza kontinwa tal-Grupp u l-progress strateġiku, b’sisien soda għal iktar tkabbir u innovazzjoni fix-xhur li ġejjin.
Il-Bank iddikjara wkoll dividend interim gross ta’ €55 miljun (€0.0856 gross/€0.0556 nett għal kull sehem), li għandu jitħallas lill-azzjonisti mill-qligħ li l-Grupp irreġistra fl-ewwel sitt xhur tas-sena u li jirrifletti 39.9% tal-Qligħ wara t-taxxa. Il-Bank warrab ukoll €7.8 miljun bħala riżerva għall-programm ta’ xiri lura tal-ishma, kif ġie approvat fl-aħħar Laqgħa Ġenerali Annwali u mir-regolatur.
Il-Grupp ra wkoll tkabbir notevoli fl-oqsma ewlenin tan-negozju, inkluż il-kreditu, l-investimenti, u d-dħul mit-tariffi u l-kummissjonijiet. L-aspettattivi għal din is-sena finanzjarja jibqgħu jindikaw li l-qligħ qabel it-taxxa jkun fil-livell ta’ bejn €215 miljun u €250 miljun, b’distribuzzjoni ta’ dividend li jlaħħaq sa massimu ta’ 50% tal-profitti.
Punti finanzjarji ewlenin
Kif mistenni, l-ewwel nofs tas-sena 2025 ra tnaqqis fil-qligħ qabel it-taxxa, ta’ madwar 8.8% meta mqabbel mas-sena ta’ qabel. Dan kien konformi mal-poġettazzjoni li kellu l-Bank fl-aħħar tas-sena finanzjarja 2024 u attribwit primarjament minn tnaqqis fir-rati tal-imgħax u miż-żieda fl-investiment tal-Bank fit-teknoloġija u l-kapital uman.
Id-dħul totali mill-operat laħaq il-€244 miljun f’Ġunju 2025, li jimmarka żieda soda ta’ 4.6% meta mqabbel mal-istess perjodu fl-2024. Id-Dħul Nett mill-Imgħax baqa’ s-sors ewlieni ta’ dħul għall-Grupp. It-tnaqqis fir-rati tal-imgħax kif imħabbar mill-Bank Ċentrali Ewropew, ġie parzjalment imtaffi miż-żieda ġġenerata mill-imgħax fuq investimenti f’bonds lokali u internazzjonali (li jirriflettu l-pożizzjonament strateġiku mill-ġdid tal-karta tal-bilanċ li l-Bank ilu jwettaq sa mill-2022), kif ukoll minn tkabbir sostanzjali fil-portafoll tas-self. Min-naħa l-oħra, id-Dħul Nett mit-Tariffi u l-Kummissjonijiet kompla jkun element ewlieni ta’ dħul u li kkontribwixxa bħala sors ieħor li jiddiversifika d-dħul u b’hekk ikompli jiġġenera l-profitabbiltà operattiva tal-Grupp.
H1 2025 | H1 2024 | |
Qligħ Qabel it-Taxxa | €135.1 m | €148.2 m |
Dħul Nett mill-Imgħax | €188.7 m | €193.6 m |
Dħul Nett mit-Tariffi u l-Kummissjonijiet | €39.9 m | €36.7 m |
Spiża Totali | €116.9 m | € 94.9 m |
Proporzjon ta’ Dħul u Nfiq | 47.9% | 40.7% |
ROAE Ratio (qabel it-taxxa) | 18.9% | 22.8.% |
Dħul għal kull Sehem | €0.1393 | €0.1520 (Ġun 24 iddikjarat mill-ġdid) |
Valur Nett tal-Assi għal kull Sehem | €2.3 | €2.2 (Diċ 24 iddikjarat mill-ġdid) |
Proporzjon Gross ta’ Self għal Depożiti | 57.6% | 54.5% (Diċ 24) |
Qligħ mill-Kumpaniji tal-Assigurazzjoni | €4.7 m | €4.6 m |
It-total tal-Assi tal-Grupp komplew jespandu, u issa laħqu l-€15.9 biljun. L-ottimizzazzjoni tal-Karta tal-Bilanċ baqgħet għaddejja bl-assi likwidi u dawk f’terminu qasir ikomplu jonqsu b’€79.7 miljun u l-portafoll fit-teżor jiżdied u jilħaq is-€6.7 biljun fuq il-karta tal-bilanċ. Il-portafoll tas-self żdied b’7.9% għal €7.4 biljun, u d-depożiti tal-klijenti komplew jesperjenzaw żieda kontinwa, u għalqu f’livell ta’ €13.1 biljun sal-aħħar ta’ Ġunju. Il-proporzjon tal-kapital u l-likwidità tal-Grupp baqa’ b’saħħtu u ogħla minn dak mitlub mir-rekwiżiti regolatorji.
Fil-kummenti tiegħu dwar ir-riżultati finanzjarji, iċ-Chairperson tal-BOV Gordon Cordina qal li “Bi pjaċir qed inħabbru prestazzjoni oħra b’saħħitha għall-Grupp BOV fl-ewwel nofs tas-sena 2025. Minkejja l-isfidi li ġab miegħu t-tnaqqis fir-rati tal-imgħax mill-Bank Ċentrali Ewropew u l-isfidi kkawżati mill-iżviluppi politiċi globali, il-Bank baqa’ jikseb riżultati pożittivi.
In-negozju ewlieni tagħna baqa’ wieħed robust, filwaqt li l-istrateġija tagħna li nkomplu nottimizzaw il-karta tal-bilanċ billi nittrasformaw assi likwidi fi strumenti li jiġġeneraw l-imgħax fuq perjodu fit-tul, komplew iħallu l-frott. Fl-istess waqt komplejna niġġeneraw iktar dħul minn oqsma oħra ta’ negozju.
L-isforzi tagħna li nkomplu nsostnu din il-prestazzjoni f’dawn l-aħħar tmintax-il xahar qed ikomplu jsaħħu l-pożizzjoni tagħna fis-suq lokali. Ta’ min wieħed jinnota r-rispons b’saħħtu li kellu l-ħruġ ta’ Bonds, u li wassal għal sottoskrizzjoni żejda f’temp ta’ ftit jiem minn meta ħarġet l-offerta. Dan ikompli jagħti xhieda tal-fiduċja li l-investituri jpoġġu fil-Bank. Lejn l-aħħar ta’ Ġunju, il-Bank eżegwixxa wkoll il-ħruġ ta’ ishma bonus, ta’ sehem għal kull 10. Dawn l-inizjattivi jirriflettu l-qligħ b’saħħtu u l-immaniġġjar tal-kapital b’mod prudenti u jenfasizzaw l-impenn tal-Grupp li jagħti l-aqwa valur lill-azzjonisti tiegħu. Ir-rispons tas-suq, kien rifless ukoll fix-xejra pożittiva fil-prezz tal-ishma, li rajna sa mill-aħħar tal-2024. Dan ikompli jsaħħaħ id-determinazzjoni tagħna u jagħtina assigurazzjoni li nkomplu nsegwu l-inizjattivi strateġiċi tagħna.
Matul ix-xhur li ġejjin, qed nantiċipaw li jkollna iktar ċaqliq pożittiv permezz tal-Programm ta’ Xiri Lura ta’ Ishma li għandu jkompli jagħti iktar valur lill-azzjonisti. Se nkomplu nsaħħu l-isforzi tagħna biex inwieżnu l-ekonomija Maltija u s-sostenibbiltà ta’ negozju kompetittiv f’Malta. Hekk kif inħarsu ’l quddiem lejn il-kumplament tas-sena, nibqgħu ffukati li nagħtu valur, nixprunaw l-innovazzjoni u nibnu futur iktar sostenibbli.”
//= $special ?>