Lokali Qorti

Il-kawża prinċipali tal-mewt tal-Filippin kienet id-daqqa fil-fwied

Il-Filippin Marcelino Montalban Saraza nqatel f’Lulju tal-2021 f’appartament fil-Mellieħa b’daqqa ta’ sikkina li laqtet il-fwied tiegħu. Huwa ma mietx mill-ewwel iżda żvina bil-mod. Meta kien diġà mejjet huwa qala’ daqqa ta’ sikkina oħra f’għonqu bil-probabbiltà kbira li ntużaw żewġ skieken, waħda li nifditlu sidru u l-oħra f’għonqu.

Is-sikkina li nstabet barra jidher li kienet dik fatali filwaqt li dik li nstabet fis-sink tal-kċina ntużat għad-daqqa f’għonqu. Jekk wieħed iħares lejn ix-xena tar-reat wieħed jieħu l-impressjoni li Marcelino kkommetta suwiċidju imma ma kienx il-każ.

Id-daqqa li sofra f’sidru ma seta’ qatt għamilha hu filwaqt li d-daqqa ta’ sikkina f’għonqu lanqas ma seta’ għamilha hu għax kien diġà mejjet meta’ qalagħha. Dan ħareġ mix-xhieda tal-espert tal-Qorti, Dr. Mario Scerri li huwa speċjalista meta kompla l-ġuri quddiem l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera.

Mayumi Santos Patacsil, ċittadina Filippina ta’ 48 sena, tinsab għaddejja ġuri mixlija bil-qtil volontarju tas-sieħeb tagħha Marcelino Montalban Saraza, li seħħ erba’ snin ilu fil-Mellieħa. Allegatament il-mara użat żewġ skieken waqt id-delitt, b’daqqa minnhom tkun dik fatali li nifdet il-fwied tal-vittma, li huwa wkoll ta’ nazzjonalità Filippina.

Scerri kien maħtur mill-Maġistrat Rachel Montebello biex jeżamina lill-vittma, li allegatament inqatel mis-sieħba tiegħu fl-appartament tagħhom tal-Mellieħa fis-sigħat bikrin tat-2 ta’ Lulju 2021.  Il-Filippina qed twieġeb mhux ħatja ta’ omiċidju intenzjonat, iffabbrikat provi u li ħbiet traċċi ta’ reat.

Dr. Mario Scerri qal li kien mar filgħodu f’appartament fil-Mellieħa u fejn kien hemm kċina fuq in-naħa tal-lemin, raha katavru mgħotti. Tenna kellu leżjoni f’għonqu u li kien hemm demm madwaru.

Qal li fis-sink tal-kċina kien hemm sikkina imċappsa bid-demm u fejn kien hemm il-kadavru u l-bieb tal-veranda, sabu sikkina bil-ponta, li kienet fuq in-naħa ta’ barra. Is-sikkina kienet waħda tawwalija u li tixbaħ lis-sikkina li kienet barra fit-triq taħt il-veranda.

Ix-xhud qal li żgur hu li l-ġerħa f’sidru kienet magħmula b’sikkina, bil-fwied jagħmel id-demm u jispiċċa jitlef ħajtu. “Ma mietx f’daqqa waħda, żgur li ħa ftit tal-ħin biex jiżvina. Dwar l-abbrazzjoni fl-għonq qal li din ġiet magħmlula minn xi ħadd li kien meta l-vittma kien diġà miet.

Sostna li jekk tħares lejn il-ġerħa tal-għonq, din kienet tagħti l-impressjoni li kien suwiċidju. Qal li minbarra dawn iż-żewġ daqqiet maġġuri kien hemm leżjonijiet oħra bħal marki ta’ tbenġil vjola u ta’ kulur ħadrani.

Huwa kkonferma li d-daqqiet f’sidru u f’għonqu saru minn xi ħadd ieħor. Tenna wkoll li kieku d-daqqa f’għonqu għamilha l-vittma, kieku sa fejn hemm is-sink kien ikun hemm tiċpis tad-demm, imma d-demm kien konċentrat madwaru biss.

Xehed ukoll id-dentist David Mifsud, li wkoll kien maħtur mill-Maġistrat Rachel Montebello u dan biex jeżamina lill-vittma u lill-akkużata. Tenna li kien mar filgħaxija l-isptar Mater Dei biex jara lil Mayumi Santos Patacsil u ħa r-ritratti tax-xedaq tagħha u snienha. Qal li wara eżamina jdejha u kellha żewġ marki ta’ gdim, li waħda minnhom kienet fuq il-pala tal-id tax-xellug li saret mill-vittma.

Dr. Mifsud qal li wara eżamina lill-vittma fil-kamra mortwarja u dan kien ġimgħa wara fid-9 ta’ Lulju, fejn eżaminalu sninu u x-xedaq ukoll. Tenna wkoll li kellu gidma f’dirgħajh ix-xellugija li saret mis-sieħba tiegħu. Qal li l-gidma fuq il-pala tal-id tal-akkużata ġiet ikkawżata mill-vittma.

Tard l-Erbgħa filgħaxija sar l-aċċess fuq il-post u ftit qabel xehed Marlon Bautista, kollega tal-vittma u xhud ewlieni, li qal fil-Qorti li dak il-lejl l-akkużata marret fuq il-bieb tad-dar tiegħu, fejn kien jgħix ma’ martu u qaltlu “Naħseb li tgħid daqqa tajtu daqqa ta’ sikkina,”. Qal li huma kienu jaħdmu flimkien bħala xufiera.

Skont ix-xhieda tiegħu, il-mara marret titlob kenn, iżda hu u martu ma ridux idaħħluha d-dar. Minħabba f’hekk, hi ċemplet lill-Pulizija u marret tagħmel rapport fl-Għassa tal-vjolenza domestika. Kien meta semmiet l-użu ta’ sikkina li l-Pulizija ddeċidew li jmorru immedjatament fl-appartament tagħha.

Il-Qorti semgħet ukoll lil koppja Serba li kienet tgħix fl-istess appartament. Ir-raġel kien xogħol dakinhar, iżda martu xehdet li meta semgħet ġlied bejniethom, daħlet fil-kamra flimkien mat-tifla ta’ tliet snin u sakkret il-bieb biex iżżomm ’il bogħod minn kull periklu.

L-ewwel Kap ta’ akkuża l-iktar gravi dak ta’ omiċidju – l-prosekuzzjoni qed tgħid li fil-lejl ta’ bejn l-1 u t-2 ta’ Lulju tas-sena 2021, fi Triq il-Fortizza, fis-salott u fil-kċina ta’ din ir-residenza, Mayumi Santos Patacsil, bil-ħsieb li toqtol jew li tqiegħed il-ħajja tagħha f’periklu ċar, ikkaġunat l-mewt b’daqqa ta’ sikkina fil-parti t’isfel tan-naħa tal-lemin tas-sider tal-vittma.

Din id-daqqa kienet b’saħħitha biżżejjed li ppenetrat il-kavita tas-sider, ikkaġunat ferita fonda liema ferita ppenetrat il-fwied u kkaġunat emoraġija estensiva bil-konsegwenza li l-vittma Marcelino Montalban
Saraza miet fuq il-post ftit tal-ħin wara, kaġun ta’ din il-ferita.

Esperti mediko-legali ikkonkludew li l-vittma miet minħabba ‘hypovolemic shock’ (direttament ikkawżata mill-‘stab wound’ li l-istess akkużata tat f’sider il-vittma), iżda il-mewt ma kienitx waħda istantanea u l-vittma miet ftit tal-ħin wara fuq il-post sakemm dan żvina.

L-akkuża tgħid ukoll li ftit tal-ħin wara li Mayumi Santos Patacsil tat daqqata’ sikkina li nifdet is-sider tal-vittma, hija għamlet ferita oħra fuq in-naħa tal-lemin tal-għonq tal-istess vittma fejn pruvat tħanxarlu għonqu u ikkaġunat inċiżjoni iktar twila milli fonda b’permezz ta’ sikkina oħra u ċioe mhux bl-istess sikkina li biha nifdet is-sider tal-vittma u kkaġunatlu l-mewt.

Mill-eżamijiet forensiċi rriżulta illi din il-ferità kkanġunata f’għonq il-vittma, kienet saret f’għonqu meta huwa kien diġa miet kaġun tad-daqqa ta’ dikkina li nifdet is-sider tal-istess vittma u ppenetrat il-fwied. Ftit tal-ħin wara li l-akkuzata kienet qatlet lil Marcelino Montalban Saraza, hija marret għamlet rapport ġewwa l-Gender Based and Domestic Violence Unit tal-Pulizija fejn irrapurtat illi f’xi ħin qabel nofsillejl hi kellha argument mal-partner tagħha, u li ntużat sikkina f’dan l-argument.

Il-prosekuzzjoni qed tgħid illi Mayumi Santos Patacsil għamlet rapport mal-Pulizija ta’ vjolenza domestika fejn qalet li hi kienet vittma filwaqt li għaddiet madwar siegħa u nofs sakemm semmiet li kienet ntużat arma waqt dan l-argument.

Hi qaltilhom ukoll illi dan l-argument kien seħħ fl-appartament fejn kienu jirrisjedu t-tnejn li huma flimkien. Illi għalhekk fuq din l-informazzioni, uffiċjal tal-Pulizija, is-Surġent Joseph Attard mar fuq il-post fejn aċċeda fir-residenza fil-Mellieħa fejn sab xena makabra ferm quddiemu.

Il-Pulizija filfatt sabet katavru mixħut fl-art, mgħotti b’kutra ħamra iċċirkondat b’tiċpis tad-dmija. Ma din is-sejba il-post ġie magħluq u preservat, anke permezz ta’ uffiċjal tal-Pulizija li tħalla fixed-point ta’ 24
siegħa mal-post imsemmi.

Irriżulta waqt l-investigazzonijiet illi l-katavru kien ta’ Marcelino Montalban Saraza, il-partner ta’ Mayumi Santos Patacsil, mill-ewwel deher li kellu ferita kbira fin-naħa tal- lemin ta’ sidru u kellu wkoll ferita twila f’għonqu.

Illi waqt li kienu qedgħin jsiru investigazzionijiet fir-residenza, l-akkużata kienet għadha fil-Gender Based and Domestic Violence Unit fejn sussegwentement ġiet infurmata li qed tinżamm taħt arrest fuq suspettat qtil tal-partner tagħha.

Fl-investigazzionijiet tal-Pulizija irriżulta ukoll illi Mayumi Santos Patacsil telqet mir-residenza b’bagalja kbira wara li kienet qatlet lil Marcelino Montalban Saraza u marret għand koppja Filippina oħra bl-ismijiet ta’ Marlon Ranada Bautista u Mariam Capina Castillo. Iżda dawn ħassewhom skomdi ħafna u rrifjutaw li jħallu lill-akkużata Mayumi Santos Patacsil torqod hemm dak il-lejl.

Filfatt Mariam Capina Castillo kienet ikkonfermat li Mayumi Santos Patacsil kienet qaltilhom li kellha argument kbir ma’ Marcelino u li tatu daqqa ta’ sikkina u li hi ħasbet li kienet segħtet qatlitu. Mill-investigazzjonijiet li kompliet twettaq il-Pulizija irriżulta illi Mayumi Santos Patacsil kellha ossessjoni
kbira fuq il-partner tagħha.

Hi kienet tibgħat lil nies oħra messaġġi u telefonati li t-tonalità tagħhom dejjem kien wieħed konfrontali, iddisprati u ossessjonat, bl-akkużata ssegwi l-passi tal-partner tagħha għax hi bdiet tossessjona ruħha dwar il-possibilita’ li l-partner tagħha kien qed jkun ma’ nisa oħra u allura kienet tibgħat lil nies oħra sabiex tiċċekkja, il-ħin kollu fejn kien ikun Marcelino Montalban Saraza u xi jkun qed jagħmel.

Filfatt anke il-ġirien tal-akkużata stess ikkonfermaw illi ta’ spiss kienu jisimgħu lil Mayumi Santos Patacsil tiġġieled mal-partner tagħha filwaqt li l-ġirien tagħhom stess iddiskrivewh bħala raġel kwiet, fejn hi kienet takkużah li kien qed jkollu relazzjonijiet ma nisa’ oħra.

It-tieni akkuża tgħid li Mayumi Santos Patacsil filfatt għamlet rapport ta’ vjolenza domestika u kien biss wara li għadda ħafna ħin, madwar siegħa u nofs, li semmiet li kienet filfatt ntużat sikkina. Illi s-sejba ta’ katavru irriżultat biss wara li kien mar is-Surġent Joseph Attard fuq il-post u sab il-ġisem bla ħajja ta’ Marcelino Montalban Saraza.

Għaldaqstant Mayumi Santos Patacsil iddenunzjat reat li taf li ma sarx meta marret tagħmel rapport ta’ vjolenza domestika fittizju. Għalhekk b’għemilha l-akkużata saret ħatja illi marret tagħmel rapport ta’ vjolenza domestika fittizju.

Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mil-Avukati AĠ Kaylie Bonnett u Etienne Savona mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Għall-Filippini qed jidhru l-Avukati Simon Micallef Stafrace u Julia Micallef Stafrace. Il-każ kien investigat mill-Ispetturi Godwin Scerri u Shaun Pawney.