Tressaq il-Qorti Karmenu Ciantar akkużat bil-qtil doppju ta’ nhar it-Tlieta fiz-zona tal-Kuncizzjoni.
Ciantar tressaq quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello f’Awla numru 10, liebes maskra hekk kif huwa jinsab pożittiv għall-Covid-19.
Ciatar ġie akkużat bl-omiċidju volontarju li kkawża l-mewt ta’ Dennis Mifsud u Toni Agius, li ta n-nar lil xi binja u li kellu arma tan-nar waqt dan l-att. Ciantar kien akkużat ukoll li kellu arma tan-nar bla permess.
Wara li l-Qorti spjegat l-akkużi lil Ciantar huwa deher emozzjonat ħafna u fil-fatt bil-kemm felaħ iwieġeb il-mistoqsijiet li staqsietu l-Qorti.
Karmenu Ciantar wieġeb mhux ħati.
Il-prosekuzzjoni spjegat li sabu l-ewwel vittma f’vettura b’tir f’rasu u t-tieni vittma b’diversi tiri mis-sider ‘l isfel.
Fil-post sabu wkoll dokumenti personali ta’ Karmenu Ciantar, fejn kien hemm ukoll diversi qraba. Il-prosekuzzjoni tkellmet ukoll ma’ bint Ciantar li spjegat li din kienet irċiviet telefonata mingħand Ciantar li qalilha li kien qatel lil missierha.
Il-prosekuzzjoni spjegat li f’dak il-ħin Ciantar kien qed jitqies ta’ periklu kemm għalih kif ukoll għal ħaddieħor. Meta l-Ispettur Kurt Zahra ċempel lil Ciantar, dan qallu li ma kienx sejjer il-ħabs u li mhux se jsibuh ħaj. Eventwalment dan ammetta li kien qiegħed il-KFC tal-Mosta.
Fil-parkeġġ tal-Pama fil-Mosta, sar l-arrest fejn Ciantar ammetta dak li kien għamel. F’din l-istess zona nstabet il-vettura tiegħu fejn kien hemm ukoll l-arma tan-nar.
Ftit tal-ħin wara saret l-interrogazzjoni.
Il-Qorti wara li semmet l-ispjegazzjoni tal-Ispettur, ikkonvalidat l-arrest u aċċettat li ssir odni ta’ protezzjoni favur il-qraba tal-vittmi.
L-Avukat Difensur, Francesca Zarb, talbet li Ciantar jinżamm fil-Forensic Unit, però ma għamlitx talba għall-ħelsien mill-arrest.
Il-Qorti qalet li ma tistax tiddeċiedi hi fejn jinżamm Ciantar, però talbet lill-Faċilità Korretiva ta’ Kordin biex jikkunsidra dan. Il-Prosekuzzjoni ma oġezzjonatx għad-deċiżjoni li tista’ tingħata.