Malta se tospita l-Commonwealth Youth Games (CYG) fl-2027. Dan hu pass storiku għall-pajjiż u l-komunità sportiva tiegħu.
It-tnedija uffiċjali saret waqt ċerimonja li saret f’Malta u li attendew għaliha mistednin distinti, fosthom il-President ta’ Commonwealth Sport Malta, Julian Pace Bonello, il-President ta’ Commonwealth Sport, Donald Rukare, il-Kummissarju Għoli tar-Renju Unit f’Malta is-Sra Katherine Ward, u l-Ministru għall-Edukazzjoni, Sport, Żgħażagħ, Riċerka u Innovazzjoni, Dr Clifton Grima.
It-tmien edizzjoni ta’ dawn il-Logħob se ssir f’Malta u Għawdex, u mistenni tilqa’ madwar 1,150 atleta ta’ bejn l-etajiet ta’ 14 u 18-il sena, ġejjin minn 74 nazzjon u territorju tal-Commonwealth. Id-dixxiplini sportivi magħżulin se jinkludu l-Għawm u Para Għawm, Atletika u Para Atletika, Netball, Squash, Triathlon, Weightlifting, u, għall-ewwel darba fl-istorja tal-CYG, l-Ibburdjar u l-Water Polo.
Julian Pace Bonello, President ta’ Commonwealth Sport Malta, iddeskriva l-Logħob bħala opportunità unika għal Malta. “Malta 2027 se tkun ċelebrazzjoni tal-għaqda, iż-żgħażagħ u l-eċċellenza. Din hija viżjoni fit-tul li tmur lil hinn minn avveniment wieħed. Dan huwa l-iżvilupp f’parteċipazzjoni sportiva, l-iżvilupp tal-atleti u r-rikonoxximent internazzjonali. L-atleti żgħażagħ tagħna se jkollhom opportunità unika li jikkompetu f’pajjiżhom stess, u fl-istess waqt ikunu ta’ ispirazzjoni għal ġenerazzjoni sħiħa.”
Pace Bonello esprima wkoll il-gratitudni tiegħu għall-kollaborazzjoni li għamlet dan kollu possibbli. “Inħossuna kburin u onorati li l-Commonwealth Sport għoġobhom jafdawna bl-organizzazzjoni ta’ dan l-avveniment prestiġjuż. Nirringrazzjaw lil Commonwealth Sport għall-fiduċja tagħhom, u lill-Gvern Malti għall-appoġġ kontinwu. It-tradizzjoni ta’ ospitalità ta’ Malta se tidher f’kull aspett ta’ dawn il-Logħob.”
Donald Rukare, President ta’ Commonwealth Sport, faħħar il-proposta li ppreżentat Malta li kienet waħda robusta u mmirata lejn l-atleti. “Ninsabu ħerqanin li se nwasslu l-Commonwealth Youth Games f’Malta fl-2027 u nirringrazzjaw lil Commonwealth Sport Malta u lill-Gvern ta’ Malta għall-impenn u l-viżjoni tagħhom. Il-proposta ta’ Malta li tqiegħed lill-atleti l-ewwel, flimkien ma’ faċilitajiet mill-aqwa u l-esperjenza ta’ Malta biex tospita avvenimenti internazzjonali ta’ livell għoli, jagħmlu lil Malta post idejali”.
“Il-Commonwealth Youth Games huma aktar minn ċelebrazzjoni ta’ sport – huma esperjenza trasformattiva għall-atleti żgħażagħ. Dawk li jikkompetu huma l-istilel ta’ għada u l-vuċijiet ta’ llum, aġenti tal-bidla li se jfasslu l-futur tal-Moviment tagħna. Nistennew bil-ħerqa li nkunu f’din il-gżira sabiħa ta’ Malta fl-2027.”
Il-Ministru għall-Edukazzjoni, Sport, Żgħażagħ, Riċerka u Innovazzjoni, Clifton Grima, ikkonferma mill-ġdid l-impenn tal-Gvern li jappoġġja l-isport bħala għodda għall-iżvilupp.
L-organizzazzjoni ta’ dawn il-Logħob jiġi fi żmien ta’ suċċessi li qed jiżdiedu fil-qasam sportiv. L-atleti Maltin diġà ħallew il-marka tagħhom fil-CYG: Ryan Bugeja rebaħ midalja tal-fidda fl-isparar fl-edizzjoni ta’ Pune 2008, waqt li Kai Azzopardi spiċċa fir-raba’ post fil-Men’s Individual Triathlon f’Trinbago 2023.
“Li nikkompeti fit-Trinbago Commonwealth Youth Games ġewwa Tobago kien aktar minn sempliċi tellieqa – kien vjaġġ li biddilli ħajti u wassalni biex insir naf sa fejn kapaċi nasal bid-determinazzjoni tiegħi. Inħossni kuntent immens li dawn il-Logħob se jsiru f’Malta – hija opportunità sabiħa biex nospitaw l-isport f’pajjiżna, nispiraw lill-ġenerazzjoni li jmiss, u npoġġu lil Malta fuq il-mappa bħala pjattaforma ta’ eċċellenza.” stqarr Azzopardi.
Minbarra l-kompetizzjonijiet sportivi, Malta 2027 se tinkludi wkoll Programm Kulturali u Edukattiv dinamiku, iffukat fuq is-sostenibbiltà, u l-wirt Malti. Dan l-avveniment huwa mistenni li jġib benefiċċji usa’, fosthom parteċipazzjoni fuq livell ta’ grassroots, tkabbir ekonomiku, żieda fit-turiżmu u skambji kulturali.
Il-Commonwealth Youth Games għandhom storja prestiġjuża li fiha tnedew il-karrieri ta’ diversi stilel sportivi internazzjonali bħal Kirani James (Atletika), Chad le Clos (Għawm), Jessica Ennis (Atletika), u Beth Tweddle (Artistic Gymnastics). Issa Malta tingħaqad ma’ din il-wirt, u toffri liż-żgħażagħ tagħha pjattaforma straordinarja biex jimmiraw għal suċċessi kbar. Pace Bonello, ikkonkluda billi stqarr “Liż-żgħażagħ ta’ Malta – dawn il-Logħob huma għalikom. Ejjew naħdmu flimkien sabiex Malta 2027
//= $special ?>