Internazzjonali

Numru ta’ Palestinjani maqtula viċin it-trakkijiet tal-ikel

Huma mill-inqas 30 il-Palestinjani li sfaw maqtula wara li l-armata Iżraeljana allegatament fetħet in-nar fuq in-nies – f’zona fejn kienet qed titqassam għajnuna umanitarja fin-naħa ta’ fuq ta’ Gaza.

Skont kelliem għall-Palestinjani, dan il-każ seħħ l-Erbgħa… u fl-isparar indarbu xejn anqas minn 300 persuna. Għalkemm l-awtoritajiet lokali qed jgħidu li għadhom qed jinvestigaw id-dinamika ta’ kif seħħew l-affarijiet.

L-armata Iżraeljana minn naħa tagħha qalet biss li sparat ‘warning shots’ fejn kien hemm trakkijiet b’għajnuna umanitarja. Dan seħħ 3 kilometri lejn in-naħa t’isfel tal-villaġġ ta’ Zikim.

Id-Direttur tal-Isptar al-Shifa f’Gaza kien kwotat jgħid li fl-isptar twasslu 35 katavru. Iżda aktar tard kien hemm rapporti konflinġenti, li l-vittmi kienu 48.

Intant, għad hemm problemi kbar relatati ma’ nuqqas ta’ ikel fir-reġjun. B’aktar nies – inkluż tfal – qed imutu bil-ġuħ.

L-awtoritajiet Palestinjani qed jgħidu li mal-150 persuna mietu bil-ġuħ waqt li għaddejja din il-gwerra f’Gaza. Fost il-vittmi li tilfu ħajjithom kaġun ta’ nuqqas ta’ ikel, kien hemm mad-90 tifel u tifla.

Din il-kriżi tal-ikel tant qed teskala, li n-Nazzjonijiet Uniti qed iwissu dwar nuqqas serju ta’ provvisti – bir-riżultat li qed tikber il-problema serja tal-ġuħ fost il-popolazzjoni ċivili fil-Medda ta’ Gaza.

Intant, fl-aħħar sigħat wasal f’Iżrael il-mibgħut speċjali tal-Istati Uniti Steve Witkoff. Dan filwaqt li l-Kanada kkonfermat li se tkun qed tirrikonoxxi formalment l-istat Palestinjan.