Lokali

OPINJONI: Chris Fearne hu obbligat li jwieġeb lil Jo Etienne Abela

Jo Etienne Abela
JoEtienne Abela jistqarr… Ma nistax nemmen li tal-PN jibqgħu jinsistu fuq sptar separat meta l-pariri tal-esperti lokali u barranin jaqblu magħna f’integrazzjoni tas-saħħa fiżika...Il-poplu Malti jistaqsi… Għaliex il-Ministru Abela ma jammettix li din hi balbuljata kollha kemm hi tal-Labour li damu jaħmuha 11-il sena?

minn Victor Camilleri
Eks Editur ta’ In-Nazzjon
u Il-Mument

Jo Etienne Abela, il-Ministru tas-Saħħa, għadu ma jridx idaħħalha ġo moħħu li hu midjun mal-poplu Malti. Għadu ma jistax jifhem li għandu obbligu sagrosant li jispjega x’ġara eżatt biex wara 11-il sena sħaħ ta’ wegħdiet, ftaħir, u hype dwar sptar mentali ġdid għal pajjiżna, f’tebqa t’għajn, mal-bidla ta’ ministru, jintrema kollox mit-tieqa għal barra u tinbeda triq għalkollox differenti… u dan kollu bi spiża enormi fuq dahar it-taxpayer Malti.

Dan l-aħħar, il-Ministru Abela għamel kumment fil-paġna tiegħu ta’ Facebook bħala tweġiba għal konferenza tal-aħbarijiet minn tliet deputati tal-PN – Ian Vassallo, Graziella Galea u Albert Buttigieg – li azzardaw jikkummentaw dwar id-deċiżjoni tiegħu li joqtol it-tama ta’ sptar ġdid mentali li kienet nibtet sa mill-ewwel xhur tal-Gvern Laburista fl-2013.

Il-kurjuża hi kif Chris Fearne, l-Eks Ministru tas-Saħħa, jisma’ u jara dan kollu jseħħ quddiem għajnejh u jibqa’ b’fommu magħluq. Hu għandu responsabbiltà kbira, ewlenija, li jgħid il-verżjoni tiegħu… anzi għandu jkun hu li jwieġeb il-mistoqsijiet tal-Ministru li ġie warajh u rema dak kollu li kien xettel.

Kienu Fearne u sħabu li webblu lill-poplu b’dan l-isptar, li fuqu nefqu muntanja ta’ ewro fit-tħejjija tiegħu li, saħansitra kienet waslet sal-punt fejn Chris Fearne għarraf lill-Parlament bid-dettalji ta’ fejn u kif kellu jinbena dan l-isptar biswit Mater Dei. U dan kien biss f’Ottubru 2023.

Il-Ministru Abela għad irid jagħti verżjoni kredibbli kif sas-7 ta’ Jannar 2024 pajjiżna kellu kollox f’postu biex wara ħafna ‘pantomimi sa fl-aħħar ikollu sptar mentali ġdid, u mit-8 ta’ Jannar 2024 – meta hu nħatar Ministru tas-Saħħa – dak ix-xogħol kollu ntrema ħesrem.

Fil-mixja kollha ħotob lejn dan l-isptar mentali ‘ġdid’ kien hemm involuti biex iwiegħdu, ifaħħru, jappoġġjaw u jirrakkomandawh, ħemel ta’ politiċi, uffiċjali tal-Gvern, konsulenti u, fuq kollox, il-Partit Laburista.

Dawn in-nies kienu jinkludu:

Żewġ Prim Ministri: Joseph Muscat u Robert Abela

Tliet Ministri tas-Saħħa: Godfrey Farrugia, Konrad Mizzi u Chris Fearne

Żewġ Ministri tal-Finanzi: Edward Scicluna u Clyde Caruana

Is-CEO tal-Fondazzjoni Servizzi Mediċi: Carmen Ciantar (dik li minħabba l-kompetenza tagħha kienet titħallas €163,000 fis-sena)

Iċ-Chairman tad-Dipartiment tal-Psikjatrija fil-Ministeru tas-Saħħa: Il-Prof. Anton Grech

Il-Kummissarju tas-Saħħa Mentali: It-Tabib Dennis Vella Baldacchino

L-awturi tal-Mental Health Strategy for Malta (2020-2030)

Il-Partit Laburista: F’żewġ Manifesti Elettorali (2017 u 2022) kien dikjarat, bl-iswed fuq l-abjad, li se jibnu sptar mentali ġdid.

Fl-Estimi għall-2024, il-Gvern Laburisa kien ippreveda li jonfoq €3.6 miljun matul dik is-sena għal dan l-isptar waqt li n-nefqa għas-sena ta’ qabel kienet stmata €1.2 miljun.

Kif jista’ jkun isir infiq bħal dan, jinbidel il-Ministru, u jitwaqqaf kollox mingħajr spjegazzjoni kredibbli? Din hi l-akbar mistoqsija li xi ħadd fil-Gvern jew fil-Labour obbligat iwieġeb mingħajr tidwir mal-lewża.

Joseph Muscat

Robert Abela

Godfrey Farrugia

Konrad Mizzi

Chris Fearne

Carmen Ciantar

Edward Scicluna

Clyde Caruana

Anton Grech

Dr Vella Baldacchino

Mistoqsijiet lill-Ministru Abela

1.   Meta ttieħdet id-deċiżjoni li l-Isptar Mentali l-ġdid ma jsirx kien konsultat – jew għall-inqas infurmat – l-Eks Ministru Chris Fearne, per kortesija u għall-korrettezza politika, u x’kienu r-reazzjonijiet ta’ Fearne wara li hu kien imbotta b’ruħu u b’ġismu dan il-proġett għal snin twal?

2.   Tista’ ssemmielna l-‘esperti’ lokali li int tgħid li tawkom parir biex twaqqfu l-proġett imwiegħed tal-Isptar Mentali ġdid? L-esperti lokali l-oħrajn, dawk li matul is-snin ħadmu u ħeġġew lill-Gvern jibni sptar mentali ġdid, qablu li dak kollu li kienu għamlu jintrema ’l barra?

3.   Kemm ġie jiswa x-xogħol kollu li kien sar biex ikun ippjanat sptar mentali ġdid matul is-snin li Gvern Laburista kien wiegħed u juża għall-ftaħir politiku tiegħu, b’mod speċjali lejlet xi elezzjoni? Lest iqiegħed kollox quddiem l-Awditur Ġenerali biex isir l-iskrutinju dovut?

4.   Tħoss li għandek titlob apoloġija lill-poplu Malti wara li mortu lura minn wegħda ċara u preċiża fl-aħħar żewġ Manifesti Elettorali Laburisti – tal-2017 u tal-2022 – jew għall-inqas tiskuża ruħek ma’ dawk li vvutawlkom f’dawn l-aħħar żewġ elezzjonijiet ġenerali?

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ħamis 31 ta’ Lulju, 2025.