Opinjoni

OPINJONI: Il-ħolqien ta’ aristokrazija ġdida

Wasal iż-żmien li jitwaqqfu l-privileġġi, jidħol il-kunċett ta’ kumpens, u tinbidel id-direzzjoni tal-ippjanar. Neħtieġu djar diċenti għan-nies.

minn Mark A. Sammut Sassi

Fil-Medju Evu, l-aristokratiċi kienu ’l fuq mil-liġi. Jew aħjar, kienet tgħodd għalihom liġi differenti. Kienu privileġġati. Il-kelma “privileġġ” ġejja mil-Latin privi-legium, jiġifieri liġi privata, jew aħjar privus (wieħed) u lex (liġi) – liġi li tgħodd għall-wieħed (jew għal uħud) u mhux għal kulħadd.

Minħabba fid-distinzjonijiet ovvji maħluqin mill-privileġġi – mil-liġijiet li jgħoddu għal uħud u mhux għal kulħadd – fiġġew għadab u riżentiment qawwijin kontra l-aristokratiċi. Din kienet waħda mill-kawżi tar-Rivoluzzjoni Franċiża, rivoluzzjoni li bidlet wiċċ mhux biss Franza imma l-Ewropa u b’xi mod tista’ tgħid id-dinja kollha.

Kien għalhekk li fl-ewwel artiklu tad-Dikjarazzjoni tal-Jeddijiet tal-Bniedem tal-1789, il-Franċiżi tar-Rivoluzzjoni kitbu li “kulħadd jitwieled indaqs”.

Minn dal-ħsieb twieled ħsieb ieħor – li kulħadd indaqs quddiem il-liġi.

Issa ejja nitkellmu bis-serjetà

Dawn kollha huma ħrejjef. Il-verità hi li – minkejja r-Rivoluzzjoni Franċiża – mhux kulħadd hu ndaqs quddiem il-liġi.

Imma qabel ma nissokta nibni l-argument tiegħi, ippermettuli parenteżi. Li kulħadd jitwieled indaqs ġiet applikata b’mod pervers għall-abort. Kulħadd jitwieled indaqs. Jiġifieri min għadu ma twelidx mhux daqs min twieled. Kif darba qal il-mibki Kilin: “min hu ġewwa ġewwa, u min hu barra barra”. L-ugwaljanza tibda mit-twelid. Preċiż bħalma tgħid id-Dikjarazzjoni tal-1789. Qabel it-twelid, mhux kulħadd indaqs.

Nagħlqu l-parenteżi, u nissuktaw bl-argument: mhux kulħadd indaqs quddiem il-liġi.

Dan qed narawh f’pajjiżna, b’uħud mill-kuntratturi u żviluppaturi li nfirxilhom quddiemhom tapit aħmar u jistgħu jagħmlu li jridu.

Idejqu lill-ġirien. Jikkaġunaw il-ħsarat. Jaħsbu li għax ġabu permess ta’ twaqqigħ u bini jistgħu joqtlu lin-nies innoċenti. Liġi tal-ġungla, u min jiflaħ iħawwel.

Daħlet l-idea li min għandu post fuq, għandu awtomatikament id-dritt jibni aktar sulari u jidfen lil ta’ taħtu.

Li tista’ tisraq il-veduta u x-xemx tal-ġar ta’ ma’ ġenbek.

Bini ta’ blokok koroh mingħajr ma l-awtoritajiet jimponu standards ta’ estetika. Studji xjentifiċi serji juru li t-tkerrih tal-ambjent urban iġib il-mard mentali u l-għeja psikoloġika. Il-kruha hi wieħed mill-akbar għedewwa tal-bniedem. Il-ġmiel arkitettoniku jġib il-hena u s-serenità.

Imma ċerti kuntratturi u żviluppaturi jagħmlu li jridu.

Privileġġi wieħed wara l-ieħor.

F’kelma waħda: aristokrazija ġdida.

Kumpens

Jien tal-fehma li l-liġi għandha tinbidel, u meta jsir proġett ta’ twaqqigħ u bini mill-ġdid, għandu jkun hemm awtomatikament kumpens għall-ġirien.

Għax meta l-ġar tiegħek jagħmel ix-xogħlijiet, trid tgħinu. Dak hu l-bwon viċinat – jiġifieri l-imġiba t-tajba bejn il-ġirien.

Imma meta x-xogħlijiet isiru biex dak li jkun jagħmel il-profitt, il-bwon viċinat ma jgħoddx. Li jgħodd hu li int tgħaddi minn martirju sħiħ biex l-iżviluppatur jagħmel kemxa. Litteralment minn fuq da(h)rek.

Il-liġi għandha tfittex il-ġustizzja. U l-ġustizzja titlob li min jieħu xi ħaġa minn fuq dahri jagħtini kumpens.

Hemm bżonn li l-liġi tinbidel f’dan is-sens.

Nota storika: L-aristokratiċi f’Malta

Filwaqt li fi Franza, l-aristokratiċi kellhom bosta privileġġi, storikament f’Malta, ħafna mill-aristokratiċi kellhom relazzjonijiet tajbin mal-bdiewa li jaħdmulhom l-art. Kien hemm ħbiberiji bejn in-nobbli u l-bdiewa, għax wara kollox il-vassallaġġ veru kien imsejjes fuq kuntratt ta’ “ħbiberija” bejn is-sinjur u l-vassall. Dal-punt qed nagħmlu biex ma ninftihemx li qed nagħmel xi kumment fuq l-Istorja ta’ Malta.

Limiti fuq il-privileġġi

Fuq l-Istorja mgħoddija ta’ Malta m’iniex nikkummenta. Imma fuq l-Istorja preżenti ta’ Malta, iva.

Jeħtieġ jieqaf ħafna mill-bullying li jsir mill-iżviluppaturi u l-kuntratturi fuq iċ-ċittadini.

Anki l-ħafna dagħa u kliem ħażin waqt li qed jgħabbu l-materjal mit-trakk għas-saqaf tas-sular li tela’ s’issa – dan għandu jitwaqqaf. Għaliex għandek tkun għall-kwiet f’darek jew qed taħdem u tisma’ nixxiegħa ta’ dagħa u vulgaritajiet, u saħansitra dagħa vulgari, u trid toqgħod vittma tiegħu? Mela d-diskors vulgari u d-dagħa mhumiex għamla ta’ vjolenza wkoll?

Għaliex għandu jkollok il-pannelli solari u f’daqqa waħda żviluppatur iġib permess biex itella’ mogħla s-smewwiet biswitek u addiju d-dawl tax-xemx u addiju l-vantaġġ li jkollok il-pannelli?

Għaliex l-iżviluppaturi ddeċidew – mingħajr ma tahom permess ħadd – li jġagħluna ngħixu fil-gabubiet? Bl-obbligu tal-ħlas tal-ispejjeż komuni. Mingħajr ġnien jew bitħa. B’soqfa baxxi u allura bl-użu bilfors tal-arja kundizzjonata.

Għaliex dal-ġenn kollu? Għaliex inħolqu l-privileġġi? Biex perċentwal żgħir ta’ nies – ħafna minnhom bla kultura u bla sens ta’ estetika – stagħnew u l-bqija baqgħu bħal ċippitati mitlufin u misruqin?

Għaliex sa forsi 20 jew 30 sena ilu stajt trabbi familja f’dar b’żewġ sulari, u issa trid trabbiha f’appartament qisu guva?

Jekk ir-rata ta’ twelid fost il-Maltin waqgħet b’mod li min jifhem qed jitħasseb serjament, għaliex dal-ġenn kollu? Li flok dar (sabiħa) ta’ żewġ sulari għal familja waħda għandna blokok (koroh) b’ħafna appartamenti li lanqas titmattar ma tista’ fihom?

Wasal iż-żmien – fil-fehma tiegħi – li jitwaqqfu l-privileġġi, jidħol il-kunċett ta’ kumpens, u tinbidel id-direzzjoni tal-ippjanar. Neħtieġu djar diċenti għan-nies.

Miet Ozzy Osbourne

Il-ġimgħa l-oħra kont mistieden fuq Net Television fil-programm ‘Perspettivi’ tal-bravissima Roberta Bonello Felice. Qabel ma bdejna nitkellmu, qattajna erba’ minuti nitkellmu dwar aħbar tal-jum ta’ qabel: il-mewt tal-kantant Ozzy Osbourne, fil-għomor ta’ 76 sena. Ozzy għal xi żmien kien il-frontman tal-band heavy metal magħrufa Black Sabbath.

Lil Roberta għedtilha li meta kont iżgħar sibt xi ħaġa li sa ċertu punt għaġġbitni. Ir-ritmu tal-poeżija ‘Milied Atomiku’ ta’ Rużar Briffa jfakkrek f’dak tal-kanzunetta tal-Black Sabbath ‘War Pigs’. Araw ftit:

War Pigs ¬– Black Sabbath

Generals gathered in their masses

Just like witches at black masses

Evil minds that plot destruction

Sorcerers of death’s construction

In the fields, the bodies burning

As the war machine keeps turning

Death and hatred to mankind

Poisoning their brainwashed minds

Oh, Lord, yeah

Milied Atomiku – Rużar Briffa

Tefa’ l-bniedem ġos-smewwiet

Kewkba tiegħu f’waħx is-skiet:

Ta’ mibegħda ħabbarija

Fuq id-dinja nisranija.

Dmija,

Dmija,

F’ġuf kull wied…

Ħolma mbiegħda

Il-Milied.

Kemm il-Black Sabbath, kemm Rużar Briffa kontra l-gwerra.

Kemm hu tajjeb Rużar Briffa! Fost il-favoriti tiegħi, ma’ Katullu, Trilussa, u oħrajn.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ħamis 31 ta’ Lulju, 2025.