minn Angelo Micallef
Meta ħarġet l-aħbar li l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti kienu laħqu l-bażi ta’ ftehim fejn jidħlu r-rabtiet kummerċjali tagħhom, kienu ħafna dawk li ħadu nifs ’il ġewwa u ħadu r-ruħ li l-Unjoni Ewropea kienet evitat gwerra kummerċjali mal-Istati Uniti.
It-theddida ta’ Trump li jitfa’ tariffi enormi fuq prodotti Ewropej li jiġu esportati lejn l-Istati Uniti u l-prospett ta’ kontro-tariffi fuq prodotti Amerikani importati fl-Unjoni Ewropea kien prospett li ma kien qed jeċita lil ħadd.
Kien ċar kristall li l-Kummissjoni Ewropea kellha kull obbligu u dmir li tipprova ssib triq li tħares l-interessi kummerċjali Ewropej; liema interessi ċertament ma jinkludux gwerra kummerċjali mal-Istati Uniti.
Madankollu dak li rajna fl-Iskozja ma kien xejn għajr l-umiljazzjoni totali u kompleta tal-Unjoni Ewropea u l-aċċettazzjoni minn Brussell tas-superjorità kummerċjali u politika Amerikana.
Żball li se jiswa qares
Jekk Ursula von der Leyen marret l-Iskozja bil-ħsieb li ma’ Trump setgħet tinnegozja fuq xi bażi ta’ rieda tajba, għamlet żball li se jiswa lill-Unjoni Ewropea bil-qares. Jekk Ursula von der Leyen marret l-Iskozja bil-veduta li l-Istati Uniti hi xi alleat u mhux rival ta’ min wieħed joqgħod b’seba’ mitt għajn minnu u jħares lejh b’ċertu sens kawt u xi kultant anke xettiċiżmu, għamlet żball kbir ħafna li se jiswa lill-Unjoni Ewropea qares.
Bir-raġun li Trump deher trijonfanti wara l-ftehim; bir-raġun li Trump iddeskriva l-ftehim bħala wieħed kbir u favoluż. Bir-raġun li Trump ħareġ idoqq it-trombi tar-rebħa għaliex dak li ġara fl-Iskozja ma kien xejn għajr rebħa totali u assoluta għal Donald Trump u l-politika tiegħu. L-Unjoni Ewropea riedet politika bla tariffi; u spiċċat aċċettat il-politika ta’ Trump ta’ żieda enormi fuq it-tariffi fuq prodotti Ewropej fl-Istati Uniti; l-Unjoni Ewropea kellha taċċetta li tiftaħ il-bieb beraħ għal prodotti Amerikani fl-Ewropa minkejja li riedet tagħmel hekk biss jekk il-bieb ikun ugwalment miftuħ għal prodotti Ewropej fl-Istati Uniti.
Ftehim li jiffavorixxi lill-Istati Uniti
L-Unjoni Ewropea kellha taċċetta li żżid ix-xiri tal-enerġija mill-Istati Uniti anke jekk dan ma jagħmel ebda sens ekonomiku għall-Unjoni Ewropea. Fi ftit kliem il-ftehim jiffavorixxi b’mod totali u assolut lill-Istati Uniti u ma joffri ebda kwartier lill-Unjoni Ewropea. Ftehim fejn bl-aktar mod ċar Trump iddetta t-termini u von der Leyen aċċettat it-termini bħal mazzun!
Von der Leyen uriet dgħufija kbira; sens qawwi ta’ nuqqas ta’ għarfien ta’ għal xiex kienet dieħla, sens qawwi ta’ pjan u sens assolut ta’ nuqqas ta’ kuraġġ li tħares tassew l-interessi tal-Unjoni Ewropea. Filwaqt li ftehim kien dejjem l-għażla preferita minn kulħadd, ma kellna qatt immorru bl-attitudni ta’ ftehim ikun xi jkun il-prezz li jrid jiġi mħallas. Anke minn kliemha kien ċar li Von der Leyen marret b’attitudni telliefa. Qaltilna li kellna naċċettaw tariffa ta’ 15% għax Trump hekk biss kien lest joffri. X’attitudni telliefa u dgħajfa dik! Jekk Trump ma kienx lest joffri termini ġusti jekk hemm bżonn inqum u nitlaq ’il barra u mhux sempliċiment nieħu minn dak li offra l-kunvent.
Kliem meqjus u veritier
Il-Prim Ministru Bayrou ta’ Franza stqarr li, “Huwa jum iswed meta alleanza ta’ popli ħielsa, magħquda sabiex jasserixxu l-valuri tagħhom u jiddefendu l-interessi tagħhom, jispiċċaw jirrassenjaw ruħhom għas-sottomissjoni.” Kliem tassew meqjus u tassew veritier.
Dan l-aħħar il-fiduċja tiegħi f’Von der Leyen ilha sejra lura żmien. Imma forsi din kienet l-aħħar avveniment li kien jonqosni nara sabiex inkun nista’ nistqarr li f’dan l-istadju tlift kull forma ta’ fiduċja f’Von der Leyen. Huwa ċar li Von der Leyen m’għandhiex il-kapaċità meħtieġa biex tmexxi l-Kummissjoni Ewropea f’dawn iż-żminijiet ta’ sfida. Hu ċar li Von der Leyen mhijiex il-persuna idonea għal kariga ta’ President tal-Kummissjoni Ewropea.
Huwa ċar li taħt it-tmexxija ta’ Von der Leyen l-Unjoni Ewropea se tkompli tkun imxekkla minn Kummissjoni Ewropea li fil-quċċata għandha tmexxija dgħajfa ħafna! Ħasra!
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ħamis 31 ta’ Lulju, 2025.
//= $special ?>