Opinjoni

OPINJONI: L-enerġija fil-Partit

Il-Partit Nazzjonalista qed jgħix mument importanti ħafna; mument kruċjali delikat imma wkoll pożittiv

minn Andrew Agius
Kandidat
Partit Nazzjonalista

Dan mhuwiex biss mument importanti għall-Partit, imma wkoll għan-nazzjon kollu, li dan is-sajf qed isegwi b’interess dan il-proċess. Il-fatt li l-Partit qed iwettaq dan l-eżerċizzju b’serjetà, trasparenza u rispett lejn il-valuri tiegħu, huwa xhieda ta’ partit li verament jemmen fid-demokrazija u li għandu għan wieħed: li jkun il-gvern alternattiv veru u sod għall-pajjiż.
Bħalma wieħed jistenna, il-Partit oppost qed jipprova jdaħħal il-konfużjoni, u saħansitra qed jipprova jfixkel dan il-proċess milli jseħħ b’mod matur u demokratiku. Rajna billboards bi slogans bħal “PN = Kaos” u “PN = Instabbiltà” – diskors vojt, żbaljat u nieqes minn kull sens politiku.
Minflok il-Partit Laburista jkun ċentru fuq in-nuqqasijiet tiegħu, qed naraw partit li qed jirkeb fuq sitwazzjoni attwali biex inessi in-nuqqasijiet serji li qed ngħixu ta’ kuljum. Partit Laburista iktar iffukat fuq propaganda maħsuba biex ittellef u tnessi, propaganda negattiva minn partit fqir fl-ideat tiegħu u bla pjan u vizjoni serji.
Ejja nkunu aħna minn tal-ewwel biex ma naqawx għan-nassa u ninjoraw dawn l-isforzi infantili u bla skop minn naha opposta. Nirrikonoxxu, anzi, kemm hu importanti li dan il-proċess isahhah il-Partit Nazzjonalista għaliex hawn għatx kbir għal bidla fid-direzzjoni li qabad il-pajjiz u l-Partit Nazzjonalista biss għandu l-mezzi u l-vizjoni biex iwassal dil-bidla.
Ir-regoli mhumiex ostaklu, imma garanzija għal kompetizzjoni serja, ġusta u b’saħħitha.
Għall-kritika li ġiet imlissna fil-konfront tar-regoli f’din it-tellieqa, ejja nżommu f’moħħna li dawn tfasslu biex jassiguraw serjetà, ugwaljanza u ġustizzja mal-kandidati kollha, kif ukoll integrità fil-proċess kollu
Il-proċess elettorali intern huwa kumpless imma ġie mniedi u spjegat sew fil-Kunsill Ġenerali msejjaħ f’Ġunju li għadda. Il-qafas regolatorju tal-proċess ġie elaborat biex jagħti lill-Kummissjoni Kandidati iż-żmien biex taħdem b’kawtela, b’reqqa u bi trasparenza, hekk li kull pass isir sew u fil-mument opportun ikollna konferma ta’ żewġ kandidati uffiċjali, idonei u eliġibbli għar-rwol ta’ kap.
Grazzi wkoll għaldaqstant lill-kummissjonijiet interni li qed imexxu dan il-proċess.

Qawmien ġdid u enerġija pożittiva
Dak li verament qed jispikka f’din il-fażi tal-kampanja huwa l-enerġija; dik l-enerġija li kienet ilha nieqsa għal żmien twil. U dan hu grazzi għal żewġ individwi mimlijin enerġija.
Qed naraw kazini jerġgħu jinfetħu b’attività u ħajja. Nies li kienu ilhom jitbiegħdu mill-politika, issa reġgħu qed jerġgħu jersqu. Tesseramenti qed jiġġeddu u qed jidħlu oħrajn ġodda. Inħossu moviment ta’ entużjażmu, passjoni u tama.
Iż-żewġ kandidati qegħdin joffru viżjoni, ideat u stil ġdid ta’ tmexxija. Qed naraw kampanji b’messaġġi b’saħħithom ta’ pożittività, kollaborazzjoni u unità.
Għax f’din it-tellieqa, kulħadd jista’ jirbaħ, u fl-aħħar mill-aħħar l-unika rebbieħ għandu jkun il-Partit Nazzjonalista nnifsu.
Nieħu gost għalhekk anki nkompli ma’ dak li ktibt ftit tal-ġimgħat ilu, fejn urejt il-ħtieġa ta’ politika tan-nies, li fil-qofol tagħha żżomm iċ-ċittadin u l-interessi u l-bżonnijiet tiegħu.
Il-Partit qed jagħti dimostrazzjoni ċara tal-politika inklussiva tagħna biex nikkonvinċu lil min għadu mhux magħna jingħaqad magħna. Din tqawwili qalbi anki bħala kandidat f’isem il-Partit, li qed nisimgħu lin-nies u qed napplikaw dak li qed nisimgħu fil-politika tagħna ta’ kuljum.

Nirbħu… dan hu l-mument!
Jekk inkomplu hekk, dan il-mument jista’ jkun bidu ta’ kapitlu ġdid. Mument fejn il-Partit juri mhux biss li jaf iservi ta’ alternattiva, imma li huwa verament lest jerfa’ r-responsabbiltà li jmexxi lill-pajjiż ’il quddiem.
L-enerġija li qed tinħass illum trid tibqa’ timxi f’kull rokna tal-Partit – mill-kampanja sal-ġurnata tal-għażla, u lil hinn minnha. Żewġ kandidati, żewġ messaġġi ċari li jingħaqdu f’messaġġ wieħed uniku u sabiħ – Nirbhu… dan hu l-mument!
Grazzi lil kull wieħed u waħda minnkom li qed tagħtu sehmkom f’din il-mixja b’tant passjoni.
Il-ħidma tkompli.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument  tal-Ħadd 27  ta’ Lulju, 2025.