minn Gloria Aquilina
Kunislliera f’isem il-PN
Kunsill Lokali Marsa
Il-Partit Nazzjonalista jinsab f’mument importanti, fejn żewġ kandidati, esprimew ix-xewqa tagħhom li jmexxu lill-Partit bħala Kap tiegħu.
Dan fi żmien fejn ħafna tkellmu, spekulaw u anke ġew imsemmija, imma kienu żewġ persuni biss li wrew il-kuraġġ politiku u resqu ’l quddiem u għamlu l-pass. Dan irid jiġi rikonoxxut u rispettat.
Kien hemm oħrajn, kemm minn ġewwa l-Partit Nazzjonalista u kif ukoll minn barra, li kienu viċin li jagħmlu dan l-istess pass. Imma għażlu li ma jagħmlux hekk, u dan ukoll għandu jitqies bħala deċiżjoni personali li trid tiġi rispettata. Dawn il-persuni wkoll ħaqqhom kull tifħir u rispett.
Madankollu, dawk kollha li għażlu li ma jikkontestawx u wisq aktar il-partitarji Nazzjonalisti, m’għandhomx, l-għada tat-tħabbira tar-riżultat, jibdew jikkritikaw jew ixekklu l-għażla ta’ min ġie elett. Il-bibien kienu miftuħa għal kulħadd. Il-proċess kien magħruf. Imma finalment kienu biss dawn iż-żewġ li ħadu r-responsabbiltà, b’kuraġġ u r-riskju.
Issa, l-għaqda trid tkun prijorità. Min ma jiġix elett għandu jappoġġja bi sħiħ lil min jiġi elett.
L-istess jgħodd għal dawk li kienu qed jikkunsidraw il-kandidatura imma għażlu li ma jagħmlux dan. Dawn għandhom jibdew jew ikomplu jagħtu sehemhom fil-Partit.
Messaġġ wieħed
Il-messaġġ lill-partitarji għandu jkun wieħed, li naħdmu flimkien bl-istess viżjoni u b’xogħol bla waqfien li jwassal lil Malta li jkollha gvern Nazzjonalista.
Jekk irridu naraw lill-PN jirbaħ l-elezzjoni ġenerali, xi ħaġa li hija assolutament possibbli, irridu mmorru għaliha b’tim wieħed u b’viżjoni komuni.
F’dan il-kuntest, ma nistgħux ma nsemmux lil Bernard Grech. Hu rnexxielu f’dawn l-aħħar snin jikkonsolida lill-Partit li kien għaddej minn problemi interni.
Għamel pass nobbli meta ddeċieda li jirriżenja biex jinfetaħ kapitlu ġdid. Imma x-xogħol tiegħu fil-Partit għadu mhux lest. Għandu l-għarfien, esperjenza u kapaċitajiet li l-PN għandu bżonnhom.
Għalhekk inħeġġeġ lil Bernard Grech biex ikun wieħed mill-kandidati tal-Partit Nazzjonalista fl-elezzjoni ġenerali li jmiss. Għax il-PN għandu bżonn l-aħjar talenti tiegħu kollha wara l-Kap tal-partit, jekk verament irridu nirbħu.
Ejjew nitgħallmu mill-istorja. Iva, il-Partit Nazzjonalista għadda minn problemi interni, iżda ejja ma ninsewx l-episodji ta’ maniġġi qarrieqa u minn taħt bħal dak bejn Chris Fearne u Robert Abela, wara l-kriżi politika ta’ Joseph Muscat.
Jew bħalma ġara f’dak iż-żmien storiku fejn Duminku Mintoff ġab kaos u rabat idejn partit sħiħ. Jew il-kritika qawwija u l-pressjoni mhux xierqa fuq Alfred Sant li wasslitu għar-riżenja.
Din mhux id-direzzjoni li rridu nieħdu aħna. Il-PN għandu jagħti eżempju ċar, dik ta’ kompetizzjoni b’saħħitha imma nadifa, u għaqda wara l-għażla.
Ma ninsewx li l-mexxejja jiġu u jmorru, imma l-Partit Nazzjonalista ser jibqa’ hemm. Għalhekk, ejjew nibdew minn żewġ kelmiet, ‘Rispett u Għaqda’. Jekk nibdew minnhom, dan ser iwassalna għat-triq tar-rebħa.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 27 ta’ Lulju, 2025.