Lokali

Robert Abela għandu jieqaf iwebbes rasu u jikkonsulta bis-serjetà bħalma trid il-maġġoranza tal-poplu – PN

Robert Abela jaħseb li l-poplu ma jifhimx. Qalha hu stess. Biex jiġġustifika l-fatt li pprova jbiddel ta’ taħt fuq il-liġijiet tal-ippjanar kif jaqbel lilu, billi ppreżentahom f’nofs is-sajf, ħaseb li se jgħaddi lin-nies biż-żmien. Imma n-nies fehmu x’ried jagħmel. Fehmu sew.

Robert Abela għandu jieqaf iwebbes rasu fuq il-liġijiet li ressaq dwar l-ippjanar u jirtirahom. Għandu jibda konsultazzjoni wiesgħa biex kull riforma li ssir, issir verament favur il-poplu.

Minflok idaħħal rasu fir-ramel u jibqa’ jimbotta liġijiet li ma jridhom ħadd, għandu jilqa’ t-talba tal-Partit Nazzjonalista, li għandha l-appoġġ tas-soċjetà ċivili, uffiċjali tal-Partit Laburista stess u l-maġġoranza kbira tal-poplu Malti u Għawdxi.

Robert Abela għandu jirtira minnufih u għal kollox dan l-abbozz u jerġa’ jpoġġi bilqegħda, din id-darba ma’ kulħadd, biex ifassal liġijiet li jħarsu liċ-ċittadini u lill-ambjent tagħna.