Żagħżugħ ta’ 23 sena ingħata l-ħelsien mill-arrest fuq garanzija personali u depożitu wara li wieġeb mhux ħati għal akkużi ta’ reżistenza għall-arrest u sewqan perikoluż f’ġirja li seħħet fil-Gżira. Sheldon Briffa, li huwa bla impjieg, tressaq il-Qorti l-Ħamis wara li allegatament irriffjuta li jobdi ordnijiet tal-Pulizija u saq b’veloċità eċċessiva li kellha tiġi interrotta mill-Pulizija stess minħabba l-periklu li kienet qed toħloq għal terzi persuni.
L-Ispettur Mark Anthony Mercieca qal fil-Qorti li l-Pulizija kienu qed isegwu vettura li kienet qed toħloq suspett, hekk kif is-sewwieq kien qed jersaq lejn diversi persuni fit-triq. Il-Pulizija waqqfu l-karozza waqt li d-dawl xgħel aħmar u kkonfrontaw lis-sewwieq, li kien identifikat bħala Briffa.
Madankollu, minflok ma obda l-ordni biex jitfi l-magna u joħroġ mill-karozza, huwa allegatament telaq bil-forza, ħabat ma’ waħda mill-karozzi tal-Pulizija u kważi spiċċa biex inqaleb bil-vettura tiegħu stess. Wara bdiet il-“car chase” mal-Pulizija fi triqat ta’ Gżira, fejn Briffa allegatament saq fid-direzzjoni opposta, qabeż is-sinjali ta’ waqfien, u kiser diversi regoli tat-traffiku.
Eventwalment, il-Pulizija waqqfu l-insegwiment tagħhom lejn Briffa minħabba l-periklu li seta’ jinħoloq għal ħaddieħor. L-Ispettur qal li l-Pulizija eventwalment sabu l-karozza pparkjata f’Santa Venera. l-Ispettur Mercieca spjega li l-Pulizija fittxew lil Briffa f’indirizz li kien juża’. Huma kkuntattjawh u ordnawlu imur id-depot.
L-Avukat tad-difiża Anthea Bonnici Zammit kienet għamlet kuntatt mal-Ispettur fejn infurmatu li Briffa kien se jmur id-depot. Eventwalment, kienu l-Pulizija li marru għalih Santa Venera u akkumpanjawh sal- Kwartieri Ġenerali ġewwa l-Floriana.
L-Avukat tad-difiża Franco Debono, assistit minn Marion Camilleri, Adreana Zammit u Anthea Bonnici Zammit, talab għall-ħelsien mill-arrest, u sostna li l-imputat aġixxa b’mod panikuż għax ftit jiem qabel kien ġie segwit minn persuni f’karozza simili ta’ lewn abjad.
Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Rachel Montebello laqgħet it-talba u ordnat li Briffa jinżamm taħt diversi kundizzjonijiet fosthom illi jiffirma tliet darbiet fil-ġimgħa fl-għassa tal-Pulizija, jippreżenta depożitu ta’ €800 u jagħmel garanzija personali ta’ €3,000.
//= $special ?>