Fuq talba tal‑Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex, Caritas Malta, f’kollaborazzjoni ma’ Caritas Internationalis, qed tappella għal donazzjonijiet ta’ flus b’risq il‑poplu ta’ Gaża li bħalissa għaddej minn tbatija estrema.
Bħalissa, familji f’Gaża qed jgħixu f’kundizzjonijiet umanitarji katastrofiċi hekk kif qed tiżdied il-vjolenza u jispiċċaw il-bżonnijiet bażiċi għall-għajxien. Il-Ministeru tas-Saħħa f’Gaża u n-Nazzjonijiet Magħquda kuljum qed jirrappurtaw żieda fl-għadd ta’ persuni mejta kawża tal-ġuħ u malnutrizzjoni severa. Mijiet ta’ tfal u adulti jinsabu f’riskju imminenti ta’ mewt minħabba l-eżawriment fiżiku.
Iktar minn 2 miljun persuni qed jgħixu f’zona iżgħar minn 17-il mil kwadru (daqs żewġ terzi ta’ Għawdex) bi 88% tat-territorju jinsab taħt kontroll militari Iżraeljan jew maħsub għall-evakwazzjoni.
Għal kważi tliet xhur, l-għajnuna kienet ristretta minħabba ostakli burokratiċi, loġistika kumplessa u vjolenza kontinwa. L-għajnuna li rnexxielha tidħol f’Gaża kienet ferm inqas mil-livell meħtieġ biex tnaqqas il-ġuħ jew issostni servizzi ta’ salvataġġ. L-aċċess umanitarju jibqa’ limitat, inkluż fil-kamp tar-refuġjati ta’ Jenin.
Sa mill-2023, Caritas Internationalis, flimkien mal-kollaboraturi tagħha, għenet aktar minn 1.7 miljun persuna f’Gaża permezz ta’ ikel, kenn u djar dinjitużi, ilma, sanità u iġene, għajnuna finanzjarja, u appoġġ psikosoċjali.
Caritas Malta qed tappella għad-donazzjonijiet biex permezz ta’ Caritas Internationalis titkompla l-assistenza tant meħtieġa f’dan il-pajjiż.
Donazzjonijiet ta’ flus jistgħu jsiru f’dawn il‑kontijiet bankarji:
- HSBC: MT22MMEB44897000000089021513051
- BOV: MT78VALL22013000000040023270071
- APS: MT31APSB7704600089010489011015
Min juża l-internet banking ta’ dawn il-banek jista’ wkoll juża l-faċilità ‘Transfer to Third Party’. Din tapplika wkoll għal min juża l-BOV Mobile App. It-transfer isir lil Caritas Malta Emergency Aid (beneficiary name), f’payment details tagħżel ‘non-profit’ u jiddaħħal wieħed min-numri tal-IBAN ta’ hawn fuq, u fid-description tinkiteb ‘Gaża’.
Id-donazzjonijiet jistgħu wkoll jintbagħtu b’ċekk (il-banek isarrfu biss ċekkijiet ta’ €21 ’il fuq) pagabbli lil Fondazzjoni Caritas Malta – Emergency Aid Fund, indirizzat lil: Caritas Community Centre, Emergency Aid Commission Triq Mountbatten, il-Ħamrun, ĦMR 1577.
Id-donazzjonijiet jistgħu jingħataw ukoll lill-kappillani fil-parroċċi biex jgħadduhom lil Caritas Malta. Id-donazzjonijiet jistgħu jingħataw sal-1 ta’ Settembru 2025.
Min jixtieq iktar dettalji dwar kif jista’ jgħin lill-persuni f’Gaża jista’ jċempel fuq 22199000.
//= $special ?>