Internazzjonali

Gaża: Tkompli l-kundanna dwar l-użu tal-ġuħ bħala arma tal-gwerra… b’Iżrael jibqa’ jwaħħal fil-Ħamas bħala ‘aġenti tal-kaos’

L-Istati Uniti qed tevalwa aktar mill-qrib is-sitwazzjoni umanitarja f’Gaża li qed taqleb kuljum għall-agħar. Fil-fatt, fl-aħħar sigħat, Steve Witkoff, bħala r-Rappreżentant Speċjali Amerikan għal-Lvant Nofsani, mar fl-artijiet ta’ Gaża biex jispezzjona s-siti għad-distribuzzjoni tal-ikel li qed jingħataw l-appoġġ mill-Istati Uniti u Iżrael.

Intant daħlu aktar rapporti dwar każi tal-malnutrizzjoni fost il-poplu ta’ Gaża fost akar imwiet ta’ Palestinjani mill-effetti tal-ġuħ.

Dan waqt li Witkoff kien qed ikun akkumpanjat minn Mike Huckabee, l-Ambaxxatur Amerikan għal Iżrael, waqt iż-żjarat f’dawk is-siti.

Intant, is-sorsi Palestinjani qalu li Witkoff ma kienx se jitħalla jara b’għajnejh il-kriżi tal-ġuħ f’Gaża iżda biss ‘dak li riduh jara l-Iżraeljani’.

Skont in-Nazzjonijiet Uniti, minn Mejju ’l hawn inqatlu tal-anqas 1,400 Palestinjan huma u jistennew għall-ikel u l-għajnuna miċ-ċentri inkwistjoni.

Iżrael, madankollu, akkuża lit-terroristi tal-Ħamas bħala ‘strumenti tal-kaos’ viċin is-siti tal-għajnuna, fost l-istqarrijiet li t-truppi qed jisparaw biss tiri ta’ twissija u mhux tiri ‘intenzjonati’ lejn iċ-ċivili.

Sadanittant, mhumiex qed jidħlu verżjonijiet ta’ kif qed tiżvolġi s-sitwazzjoni mingħand is-sorsi tal-midja indipendenti li għadhom mhumiex permessi li jidħlu fit-territorji ta’ Gaża.

Iżrael akkużat dwar ‘il-jiem ta’ dmija’

Il-grupp Human Rights Watch (HRW) akkuża lill-qawwiet Iżraeljani u lill-kuntratturi Amerikani privati li qed imexxu s-siti għad-distribuzzjoni tal-ikel (f’Gaża) dwar ‘sistema militarizzata għat-tqassim tal-għajnuna li wasslet għad-dmija kontinwa u l-qtil inevitabbli ta’ Palestinjani innoċenti’.

Is-sistema tal-għajnuna f’Gaża li ilha effettiva għal xhur qed titmexxa mill-Gaża Humanitarian Foundation (GHF) li ħa post in-network għad-distribuzzjoni tal-ikel li kienet qed jitmexxa min-Nazzjonijiet Uniti.

F’dawn il-jiem saru aktar kontinwi r-rapporti dwar l-isparaturi viċin dawn is-siti, bl-Iżraeljani dejjem iwaħħlu fil-Ħamas rigward ‘sitwazzjonijiet ta’ theddida’ fl-inħawi.

Intant, il-Human Rights Watch ħareġ stqarrija fis-sens li ‘l-kundizzjonijiet umanitarji terribbli f’Gaża huma riżultat dirett tal-politika tal-Iżraeljani biex jużaw il-ġuħ bħala arma tal-gwerra.’

Iżrael hu wkoll akkużat li qed jiċħad b’mod sfaċċat lill-Palestinjani mill-għajnuna u s-servizzi bażiċi’.

Skont, il-Human Rights Watch, il-qawwiet Iżraeljani ‘mhux talli qed joqtlu lill-Palestinjani bil-ġuħ iżda qed jisparaw kuljum għaċ-ċivili Palestinjani ddisprati li qegħdin ifittxu l-ikel għal familthom.’

Dan il-grupp umanitarju kompla jinsisti biex il-pajjiżi jwettqu l-pressjoni fuq Iżrael ħalli l-Gvern tal-Prim Ministru Benjamin Netanyahu jieqaf minnufih milli juża l-forza u metodi militari għall-kontroll tal-folol magħmulin esklussivament miċ-ċivili Palestinjani f’Gaża.

Żdiedu wkoll is-sejħiet fost l-entitajiet ta’ fejda internazzjonali biex is-sistemi tal-Gaża Humanitarian Foundation jispiċċaw sospiżi.

Fl-istess ħin, Iżrael qed jinsisti li m’hemmx restrizzjonijiet għat-trasport tal-għajnuna u li ma teżistix kriżi tal-ġuħ f’Gaża.

Fi żviluppi oħra, numru qed jiżdied ta’ politiċi, gruppi favur id-drittijiet umani u esperti legali qegħdin jaqblu li Iżrael qed jaħdem fuq pjan speċifiku bl-iskop li jeqred lill-Palestinjani bħala poplu filwaqt jirrendi l-ħajja f’Gaża bħala ‘impossibbli’ għar-residenti.

L-akkużi ilhom jiżdiedu mindu l-Afrika t’Isfel, fl-2023, kienet ressqet każ speċifiku quddiem l-Ogħla Qorti tal-Ġustizzja tan-NU – u fejn allegat li Iżrael qed iwettaq ‘ġenoċidju’. Akkuża li l-Iżraeljani kienu u għadhom qegħdin jiċħduha bħala waħda infondata.