Il-Partit Nazzjonalista jilqa’ b’sodisfazzjon l-abbozz ta’ liġi dwar il-miscarriage leave, li tħabbret illum. Din il-liġi kienet waħda mill-proposti tal-Partit Nazzjonalista fil-Programm Elettorali tiegħu u għalhekk, hu ta’ sodisfazzjon li l-Gvern qed jagħmel pass fid-direzzjoni t-tajba.
Fi stqarrija x-Shadow Ministers Ivan Castillo, Grazziella Attard Previ u Albert Buttigieg qalu kif il-Partit Nazzjonalista ħa sehem attiv ħafna fil-proċess ta’ konsultazzjoni u wassal il-fehmiet tiegħu dwar kif din il-liġi tista’ titjieb.
Matul dan il-proċess smajna b’ħafna stejjer personali – kull waħda minnhom qanqlet emozzjonijiet profondi. Kull storja tqanqal l-empatija għat-trawma fiżika, emozzjonali u psikoloġika F’dan il-kuntest, wieħed ma jistax jinjora il-ġenituri li welldu tarbija li mbagħad mietet wara t-twelid. Jekk jiġri hekk inkunu qed nonqsu milli nkunu sensittivi ma’ dawk il-ġenituri li jġarrbu telfa bħal din.
Huwa essenzjali li dan l-aspett jitpoġġa fuq l-aġenda tal-Employment Relations Board, sabiex naraw li din il-liġi ssir aktar inklussiva u ġusta.
Il-Partit Nazzjonalista qed jipproponi li l-istess miscarriage leave u assistenza psikoloġika li qed jingħata lil ġenituri li jitilfu tarbija fil-ġuf jingħata wkoll lil ġenituri li jitilfu lil xi wild, sew jekk eżatt wara t-twelid, kif ukoll jekk aktar tard.
Il-Partit Nazzjonalista se jappoġġja dan l-abbozz ta’ liġi u se jkompli jaħdem biex jiżgura li dan ikun wieħed iżjed empatiku, kif ukoll li jagħti kas kemm lill-ġenituri, kif ukoll lil dawk il-ġenituri prospettivi li għaddew mit-telfa traġika ta’ wild.
//= $special ?>