Futbol Sport

Jefferson de Assis ma’ Valletta, żewġ akkwisti mportanti għal Ħamrun Spartans

Ikomplu l-akkwisti minn bosta timijiet lokali, hekk kif Valletta ħabbru l-akkwist tal-attakkant prolifiku Jefferson de Assis li huwa familjari sew mal-futbol Malti.

De Assis lagħab għal bosta snin ma’ Gżira United fejn stabbilixxa ruħu bħala wieħed mill-aqwa attakkanti. It-tim ta’ Valletta kien qed iħares lejn bosta attakkanti fejn l-għażla waqat fuq il-Brażiljan ta’ 30 sena.

Jefferson de Assis beda l-karriera tiegħu fil-Brażil u wasal f’pajjiżna fl-2017 fejn kien lagħab għal żewġ staġuni ma’ Sliema Wanderers. Minn hemmhekk mar jilgħab ma’ Nadur Youngsters f’Għawdex qabel ma ssieħeb ma’ Gżira United.

F’Jannar tal-2023 de Assis kompla bil-karriera tiegħu fl-Indoneżja qabel ma’ lagħab ukoll fit-Tajlandja.

Intant Ħamrun ukoll akkwistaw żewġ plejers oħra. L-ewwel akkwist kien tal-midfielder offensiv Ante Coric mill-Kroazja. Coric għandu CV interessanti hekk kif lagħab għal Roma, Almeria u Zurich kif ukoll irrapreżenta lill-pajjiżu.

Ħamrun ħabbru wkoll l-akkwist tal-attakkant mill-Olanda Stijn Meijer li fil-passat lagħab ukoll għal Utrecht, Twente u Willem II.

Dawn l-akkwisti jkomplu jsaħħu l-iskwadra tal-Ispartans li se jkunu qed ikomplu bl-esperjenza tagħhom fl-Europa League.