Lokali Qorti

Jinżamm arrestat wara li ġie mixli bi traffikar ta’ ‘cocktail’ ta’ droga

Gustav Daniel Harila, ċittadin Svizzeru ta’ 23 sena li għandu wkoll passaport Żvediż, tressaq il-Qorti akkużat b’traffikar ta’ drogi, fosthom ketamina, ecstasy, cannabis, kemm f’forma ta’ ħaxix kif ukoll resin, u kokaina.

L-akkuzat deher quddiem il-Maġistrat Marseanne Farrugia fuq siġġu tar-roti, b’rabta ma’ ‘injury’ li ġarrab f’inċident separat f’San Ġiljan. Il-każ beda fl-14 ta’ Ġunju 2025 meta l-Pulizija wettqet tfittxijiet f’residenzi fis-Swieqi u San Ġwann.

Instabu diversi sustanzi suspettużi, u ġew arrestati erba’ persuni. Tnejn minnhom diġà tressqu l-Qorti, u tnejn l-oħra b’ċitazzjoni. Harila kien qed jikri appartament fis-Swieqi, fejn instabu l-konsenji tad-droga. Persuni arrestati indikawh bħala l-fornitur tagħhom tad-droga, għal skop ta’ traffikar.

L-Ispetturi rrimarkaw li Harila ilu Malta għal numru ta’ snin, iżda sa mill-aħħar ta’ Diċembru 2023 kien qed jgħix mingħajr ma jaħdem jew indirizz fiss. L-arrest tiegħu seħħ fl-isptar Mater Dei, wara li il-Pulizija ma rnexxilhomx isibuh wara diversi jiem.

Il-Qorti, fuq talba tal-Prosekuzzjoni, ħarġet ordni ta’ ffriżar fuq l-assi tiegħu. Il-prosekuturi – fosthom wieħed minnhom li tkellem b’mod emozzjonat dwar l-effetti devastanti tad-droga fuq il-familji u t-tfal – oġġezzjonaw għall-ħelsien mill-arrest.

Qalu li l-kwantitajiet ta’ sustanzi kienu sostanzjali: madwar 200 gramma ketamine, 400 pillola ecstasy, 150 gramma resin tal-cannabis, 100 gramma cannabis ħadra, kif ukoll ammont ta’ kokaina. Sostnew li dawn id-drogi setgħu daħlu faċilment fis-soċjetà Maltija u jikkostitwixxu theddida reali.

Min-naħa tagħha, id-difiża argumentat li Harila kkopera mal-Pulizija, ma ħarabx, u li każijiet ferm aktar gravi ngħataw il-ħelsien mill-arrest. Huma saħqu li l-provi kienu diġà ppreservati u li l-investigazzjonijiet ilhom għaddejjin sa minn Ġunju.

Madankollu, il-Qorti ma ġietx konvinta, u ċaħdet it-talba għall-libertà proviżorja. Gustav Daniel Harila se jibqa’ jinżamm arrestat filwaqt li l-proċeduri kriminali jkomplu. Għall-akkużat deher l-Avukat Roberto Spiteri. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukati Ylenia-Marie Abela u Nadia Ciappara mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali mgħejjina mill-Ispettur Mark Mercieca.