Fil-proċess kriminali kontra Mark Anthony Cardona, il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili fil-ġurisdizzjoni Kostituzzjonali tagħha ma sabet l-ebda ksur tad-drittijiet fundamentali tiegħu. Fil-fatt, is-sentenza tal-Qorti tal-Appell evidenzjat li l-proċedura segwita kienet waħda ġusta u skont il-liġi.
L-Imħallef Henri Mizzi qal li l-proċess kriminali li wassal għall-kundanna tiegħu għal parteċipazzjoni f’serqa vjolenti f’Ħal Qormi ma juri l-ebda ksur tad-drittijiet fundamentali tiegħu. Il-Qorti kienet f’pożizzjoni li tiddeċiedi fuq il-bażi ta’ provi ċari u diretti, b’mod partikolari filmati tas-CCTV li juru b’mod inekwivoku l-preżenza ta’ Cardona fuq il-post tad-delitt.
Dan jikkostitwixxi evidenza ta’ identifikazzjoni diretta, mhux biss ċirkostanzjali, u għaldaqstant il-konklużjoni dwar il-ħtija tiegħu kienet ibbażata fuq prova b’saħħitha u affidabbli, u mhux fuq spekulazzjoni jew għamliet arbitrarji.
Il-fatt li l-Qorti ikkunsidrat ukoll fatturi personali, fosthom l-istorja reċenti tiegħu mingħajr reċidiva u r-rapport favorevoli mill-uffiċjal tal-probation, juri li l-piena kienet ikkalkulata b’mod proporzjonat u individwalizzat. L-appell tiegħu ngħata eżami ġudizzjarju sħiħ u saru rettifiki fejn xieraq, fosthom it-tnaqqis tas-sentenza minn seba’ snin għal ħamsa.
Dan ifisser li Cardona ngħata smigħ ġust u rimedju effettiv kif garantit mid-dritt internazzjonali u dak kostituzzjonali. Ma jirriżultax li l-proċess kien wieħed abbużiv jew diskriminatorju, u għaldaqstant ma kien hemm ebda ksur tad-drittijiet tiegħu.
Cardona kien ġie mixli flimkien ma’ Ryan Briffa, li fl-2020 ħa sehem f’serqa vjolenti minn residenza f’Ħal Qormi. Briffa kien ġie meħlus mill-akkużi mill-Qorti tal-Appell wara li din ikkonkludiet li l-provi kontrih kienu insuffiċjenti u kienet revolata sentenza ta’ seba’ snin ħabs fil-konfront tiegħu.
Il-każ kien jinvolvi tlett irġiel li allegatament serqu flus u ġojjellerija minn dar f’Ħal Qormi, waqt li żammew lill-vittma kontra r-rieda tagħha. Ir-raġel li daħal l-ewwel fid-dar kien liebes bħala pustier u allegatament hedded lill-mara b’sikkina ma’ għonqha. Żewġ persuni oħra daħlu warajh u wettqu s-serqa.
Briffa kien ġie kkundannat fuq il-bażi li fil-filmat tas-CCTV wieħed mill-aggressuri kien liebes qalziet sportivi blu simili għal dawk li kien liebes hu aktar kmieni dakinhar meta deher fiċ-ċentru tad-detox. Barra minn hekk, kien hemm ukoll komunikazzjoni telefonika bejn Briffa u wieħed mill-ko-akkużati dakinhar tal-inċident.
Madankollu, il-Qorti tal-Appell, kienet ikkonkludiet li dawn il-provi kienu biss ta’ natura ċirkostanzjali u ma kinux biżżejjed biex jorbtu lil Briffa direttament mal-post tal-kriminalità. Għaldaqstant, Briffa ġie meħlus minn kull akkuża.
Min-naħa l-oħra, il-Qorti kienet żammet is-sentenza ta’ ħtija kontra l-ko-akkużat Mark Anthony Cardona, iżda naqqset is-sentenza tiegħu minn seba’ għal ħames snin. Il-Qorti kienet osservat li fil-filmat tas-CCTV il-wiċċ ta’ Cardona deher b’mod ċar, li juri bla dubju l-involviment tiegħu fil-każ.
Madankollu, ġiet ikkunsidrata wkoll l-imġiba tiegħu f’dawn l-aħħar snin, kif ukoll ix-xhieda tal-uffiċjal tal-probation li qal li Cardona kien qed jagħmel progress u kien ilu ma jikser il-liġi għal diversi snin. Mark Anthony Cardona, kien qiegħed jilmenta li ma ngħatax smiegħ xieraq fil-proċeduri kriminali li wasslu sabiex jinstab ħati ta’ numru ta’ reati, u dana bi ksur tal-artikolu 39 tal-Kostituzzjoni u tal-artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem ‘Konvenzjoni Ewropea).
Dan għaliex il-Qorti tal-Maġistrati bħala qorti ta’ ġudikatura kriminali allegatament estendiet l-inkarigu tal-espert tal-qorti meta l-provi tal-partijiet kienu magħluqa u l-kawża kienet posposta għas-sentenza. Skont hu, dan jammonta għall-ksur tal-prinċipji ta’ indipendenza u imparzjalità għaliex effettivament ipprekludih milli jikkontesta l-provi ġodda ppreżentati mill-espert, liema provi kellhom effett deċiżiv fuq l-eventwali sejbien ta’ ħtija tiegħu.
Il-Qorti qalet li fl-ebda stadju ma ressaq xi dokumenti jew xhieda biex jikkontesta l-provi esibiti mill-espert fil-11 ta’ Marzu 2019. Lanqas m’għamel l-ebda kjarifiċi jew mistoqsijiet skont l-artikolu 655 tal-Kap. 9.
F’dak li jikkonċerna l-ħatra tal-espert, l-akkużat u l-prosekuzzjoni kienu proċeduralment fl-istess pożizzjoni, għaliex l-espert kien independenti u imparzjali mill-partijiet, ġie maħtur skont il-liġi u l-espert ma tax il-fehma tiegħu.
Fil-fatt kienu l-qrati kriminali li wettqu l-apprezzament tal-provi u ddeterminaw jekk kinux sodisfaċenti għas-sejbien ta’ ħtija. Finalment, għall-kuntrarju ta’ dak allegat minn Cardona, il-provi esibiti fil-11 ta’
Marzu 2019 ma jidhrux li kellhom effett deċiżiv jew sinifikanti fuq is-sejbien ta’ ħtija tiegħu.
Dan għaliex b’differenza għall-imputati l-oħra, ma ġewx traċċati fil-konfront ta’ Cardona, xi call logs fil-ħin tar-reat. Is-sejbien ta’ ħtija tiegħu jidher li kienet imsejsa fuq ic-CCTV footage tat-3 u tal-11 ta’ Jannar 2019, il-ħwejjeġ li ġew elevati li kienu jixbhu ħafna dawk użati fis-serqa u murija fic-CCTV u l-konnessjoni
tiegħu mal-imputati l-oħra.
“Kif rajna diġà, dan mhuwiex il-każ. Il-Qorti tal-Maġistrati kienet qiegħda sempliċiment teżerċita s-setgħa, taħt l-artikolu 655 tal-Kap. 9, biex titlob kjarifiċi mill-espert tal-qorti, u ma kinitx qiegħda taġixxi għall-vantaġġ jew għall-iskapitu ta’ xi parti jew oħra”, qal l-Imħallef Mizzi.
Cardona ma pprovda l-ebda motivi oħra għalfejn, fil-fehma tiegħu, kien hemm ksur ta’ dan il-prinċipju, u għalhekk il-qorti ma ssibx li hemm raġuni għalfejn għandha tilqa’ lilment tiegħu. Finalment il-Qorti qalet li ma ssibx li l-qrati kriminali kkawżawlu xi preġudizzju, anzi ttrattawh korrettament u skont il-liġi, u fl-aġir tagħhom ma għamlu xejn leżiv għall-jedd tar-rikorrent għal smigħ xieraq kif protett mill-Kostituzzjoni u mill- Konvenzjoni Ewropea. B’hekk it-talbiet ta’ Cardona ġew miċħuda, bl-ispejjeż kontra tiegħu.
//= $special ?>