Internazzjonali

L-Ukrajna: Jitlob aktar sanzjonijiet għar-Russja wara l-qtil ta’ għexieren ta’ ċivili fi Kiev

Il-President Ukren, Volodymyr Zelensky, insista biex il-komunità internazzjonali żżid ‘bil-kbir’ is-sanzjonijiet fuq ir-Russja wara li l-qawwiet tal-Kremlin qatlu ‘l fuq minn 30 ċivili waqt sensiela ġdida ta’ attakki fuq Kiev, il-kapitali tal-Ukrajna.

L-attakki, fil-lejl tal-Ħamis, swew il-ħajja ta’ mill-anqas ħamest itfal, fost il-konferma li l-iżgħar vittma kienet tarbija ta’sentejn. Intant, indarbu ‘l fuq minn 160 waqt l-aħħar rejds tal-ajru fuq Kiev – b’Zelensky isostni li l-Kremlin ‘irid iferrex il-gwerra anki lejn iz-zoni ta’ residenza ċentrali ta’ pajjiżu’.

Il-Mexxej Ukren kompla li s-sanzjonijiet kienu u se jibqgħu effettivi kontra r-Russja, minkejja li l-Kremlin qed jipprova jwassal messaġġ li dawn mhumiex qed jaffettwaw lir-Russja. Għaldaqstant, hu qed jittama li s-sanzjonijiet jissaħħu matul il-jiem li ġejjin – bil-pressjoni tiżdied fuq ir-Russja biex twaqqaf il-gwerra li ilha minn Frar tal-2022.

Il-poplu fi Kiev qed josserva perjodi ta’ luttu wara l-istraġi tal-aħħar attakk fuq il-kapitali. Attakk li fih ikkrolla blokk tal-appartamenti u fejn ġarrbu l-ħsarat ukoll kumpless ta’ sptar, flimkien ma’ xi skejjel u kumpless tal-università.

Ir-Russja, fil-lejl tal-Ħamis, sparat aktar minn 300 drone u diversi missili cruise lejn Kiev u l-madwar, bis-sorsi Ukreni jsostnu li dan kien fost l-akbar assedji tal-ajru fuq il-kapitali mindu t-truppi Russi invadew lill-Ukrajna aktar minn tliet snin ilu.

Min-naħa tiegħu, il-President Amerikan, Donald Trump, ikkundanna l-azzjonijiet tar-Russi fl-Ukrajna waqt li ssuġġerixxa li l-Istati Uniti ‘qed tħejji aktar sanzjonijiet kontra Moska’. Trump, fl-istess ħin, fisser l-aħħar aggressjoni tal-Kremlin kontra l-Ukreni bħala ‘aġir diżgustanti’.

Dan ukoll wara li l-President Trump, fil-bidu tal-ġimgħa, impona deadline ġdid – fuq bażi ta’ għaxar jew tnax-il jum – biex ir-Russja taqbel dwar waqfien mill-ġlied fl-Ukrajna.

Intant, John Kelley, bħala l-Aġent Rappreżentant Amerikan għan-Nazzjonijiet Uniti, informa lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU li r-Russja u l-Ukrajna ‘jeħtieġu li jinnegozjaw waqfien mill-ġlied  mill-aktar fis, fost l-impenji għall-garanziji ta’ paċi fit-tul’.