Lokali Qorti

Mhux ħatja li qabbdet lil bintha tisraq bil-wegħda ta’ pixxina

Francine Cini, mara ta’ 39 sena minn Għawdex, ġiet meħlusa mill-Qorti ta’ Għawdex wara li kienet akkużata li qabbdet lil bintha tisraq il-flus mingħand missierha, bil-wegħda li tibnielha pixxina fid-dar. Il-każ instema’ quddiem il-Maġistrat Simone Grech, li fl-aħħar mill-aħħar ma sabitx biżżejjed provi biex tikkundanna lill-omm.

Il-proċess beda fuq il-bażi ta’ suspetti li kellu Domenic Zammit, ir-raġel ta’ Cini, li nnota li kienu qed jispiċċawlu flus mill-vażett trasparenti li kellu fid-dar. Huwa qal li l-eks sieħeb ta’ Cini, Rene Barun, avżah li matul ir-relazzjoni tiegħu magħha kien ra lit-tifla tagħti flus lil ommha. Zammit xehed li f’okkażjoni sab €900 neqsin, u f’oħra €250.

Anke s-sieħba l-ġdida ta’ Zammit, Angelica Borst, irrappurtat li sabet ammont kbir ta’ flus neqsin – minn €6,000 li kienet qed iżżomm, sabet biss €1,720. Waqt l-investigazzjonijiet, bint ta’ Cini ammettiet mal-Pulizija li kienet serqet flus diversi drabi u li kienet tagħtihom lil ommha.

Qalet li ommha kienet wegħditha li se tibnielha pixxina u matul l-interrogazzjoni nfaqgħet tibki bil-biża’ li ommha ssir taf. Waqt tfittxija fir-residenza ta’ missierha, indikat post taħt is-sodda fejn kienet ħbiet €500 oħra.

Meta mistoqsija mill-Pulizija dwar il-flus li nstabu għandha – totali ta’ €11,000 fi flus kontanti – Cini qalet li ġemmgħathom mix-xogħol tagħha, mill-għajnuna soċjali u mir-rigali tal-magħmudija li rċeviet bintha. Minkejja dawn id-dettalji, il-Qorti ma sabitx biżżejjed provi konkreti li jorbtu direttament lil Cini mal-akkuża li qabbdet lil bintha tisraq.

Il-Maġistrat Simone Grech semmiet diskrepanzi fix-xhieda tal-allegati vittmi u l-ammonti misruqa, u saħqet li mhix moralment konvinta li l-flus li kellha Cini kienu frott serq. Għaldaqstant, il-Qorti illiberatha mill-akkużi.