minn Dione Borg
Il-ġenoċidju li Iżrael qed iwettaq fuq il-Palestinjani f’Gaża hu kundannabbli f’kull livell. Irrispettivament min-nazzjonalità tal-persuni, mir-razza jew mill-kulur tal-ġilda u irrispettivament minn kull kwistjoni politika, it-twettiq ta’ ġenoċidju minn Stat b’saħħtu militarment fuq poplu ieħor għandu jġib mhux biss il-kundanni verbali iżda azzjonijiet konkreti mill-komunità internaz-zjonali.
Hekk kif nikkundannaw il-ġenoċidju mwettaq min-Nazisti fuq il-Lhud fit-Tieni Gwerra Dinjija, hekk ukoll u bl-istess qawwa l-komunità internazzjo-nali għandha tkun kuraġġuża biżżejjed biex tikkundanna l-ġenoċidju li qed iwettaq Iżrael fuq il-Palestinjani.
Ġenoċidju hu att ippjanat u maħsub bl-iskop speċifiku li jinqered poplu, jew parti minnu, li jinqered nazzjon jew li jinqerdu gruppi etniċi jew reliġjużi b’kull mezz possibbli. Hekk għamlu n-Nażisti fuq il-Lhud fit-Tieni Gwerra Dinjija u hekk qed jagħmel Iżrael illum fuq il-Palestinjani.
L-ebda attakk terroristiku ma jiġġustifika l-qtil maħsub u ppjanat ta’ eluf fuq eluf ta’ nies vulnerabbli. Xejn ma jiġġustifika l-attakki fuq l-isptarijiet Palestinjani, fuq id-djar tal-familji Palestinjani, fuq il-kampijiet tal-familji Palestinjani u fuq iċ-ċittadini fil-villaġġi Palestinjani waqt li dawn ikunu qed jistennew l-ikel wara perjodi twal bla ikel jew ilma.
L-ebda mina jew passaġġ taħt l-art ma jiġġustifikaw li jinqered poplu; għaliex it-terrorist mhuwiex biss dak li jgħatti wiċċu bil-balaklava iżda hu wkoll dak li jilbes il-ġlekk u l-ingravata iżda jordna l-attakki biex jinqered poplu.

Is-7 ta’ Ottubru u l-11 ta’ Settembru
L-ebda 7 ta’ Ottubru 2023, fejn inqatlu 1,269 ċittadin, ma jiġġustifika dak qed iwettaq Iżrael fuq il-Palestinjani; li fuq kollox hu poplu li ilu snin twal jitkeċċa minn artu. Ilhom snin twal il-familji Palestinjani jitkeċċew minn djarhom u jinħarqulhom il-villaġġi tagħhom minn Iżraeljani li jħossu li jistgħu jokkupaw l-art u l-villaġġi tal-Palestinjani. Ilha snin twal il-komunità internazzjonali siekta quddiem dawn l-atroċitajiet.
L-attakki terroristiċi tal-11 ta’ Settembru 2001 fuq it-Twin Towers u r-reazzjoni tal-Istati Uniti għandha tkun ta’ eżempju. F’dawn l-attakki nqatlu 3,000 ċittadin.
Wara dawn l-attakki, it-terrorista Osama Bin Laden u l-mexxejja tal-Al-Qaeda kienu moħbija fil-Pakistan iżda l-Istati Uniti ma attakkatx il-Pakistan bl-addoċċ, ma attakkatx l-isptarijiet li huma setgħu kienu qed jinħbew fihom. Lanqas ma attakkat l-Afganistan fejn kien jingħad li qed jistaħba qabel. L-Istati Uniti riedet biss taqbad, ħaj jew mejjet, lilu u lill-mexxejja terroristi tal-Al-Qaeda. Għalhekk użat l-intelliġenza u sabitu fil-belt ta’ Abbottabad fil-Pakistan bla ma bbumbarjat din il-belt u qaltlet xi 60,000 ċittadin. Setgħet użat l-argument li dawn huma kollha terroristi jew li t-tfal tagħhom se jitilgħu terroristi, iżda dan m’għamlitux. Hekk missu għamel Iżrael, bl-intelliġenza kollha li għandu u jaqbad lit-terroristi tal-Ħamas minflok joqtol madwar 60,000 Palestinjan, eluf minnhom tfal.
Iżrael mhuwiex jifhem li din il-gwerra li qed jagħmel qed ittellfu mhux biss l-appoġġ u s-simpatija internazzjonali iżda biha qed joħloq ġenerazzjoni ta’ Palestinjani u anki Iżraeljani li fil-futur se jkomplu jaraw il-gwerra bħala xi forma ta’ soluzzjoni. Jekk Iżrael irid li l-ġenerazzjonijiet futuri ta’ wliedu jgħixu fil-paċi viċin Stat Palestinjan, allura jrid minn issa jibdel l-istrateġija u jmur għal soluzzjoni ta’ paċi.
Dak li d-dinja qed tara quddiem għajnejha f’Gaża hu aktar minn xokkanti. Ix-xeni ta’ tfal u nies vulnerabbli jitkarrbu għall-ikel huma xeni li quddiemhom, id-dinja u l-istituzzjonijiet internazzjonali kollha ma jistgħux jibqgħu siekta.

Tfal maqtula waqt li qed jittallbu għall-ikel
Il-kundanni proċedurali llum m’għadhomx jagħmlu iktar sens u huma meqjusa bħala skiet quddiem dan il-ġenoċidju. Il-filmati ta’ suldati Iżraeljani jisparaw fuq tfal u Palestinjani li qed jippruvaw jiksbu ftit ikel għall-familji tagħhom huma krimini tal-gwerra fihom infushom. Inkredibbli kif il-bniedem jista’ jasal s’hawn.
Id-dikjarazzjonijiet ta’ politiċi Iżraeljani li jiddikjaraw li l-poplu Palestinjan għandu jitneħħa minn artu u jmur xi mkien ieħor jew li dan il-poplu m’għandux jingħata l-ikel biex litteralment imut bil-ġuħ huma pożizzjonijiet atroċi li jmorru lil hinn minn atteġġjament uman.
Ma jeżistix kliem għax-xeni ta’ Iżraeljani jimblukkaw it-trakkijiet bl-ikel u għajnuna umanitarji biex ma tasalx għand il-Palestinjani. Qed nipprova nsib kliem, iżda ma nistax.
Il-fatt li Iżrael qed jirrifjuta d-dħul ta’ ġurnalisti internazzjonali f’Gaża jikkonferma kemm qed jibża’ li d-dinja tkun taf iktar il-verità dwar dak li jinsab għaddej. Il-fatt li Iżrael jemmen li għandu jiddefendi lin-nies tiegħu ma jtih l-ebda dritt li jwettaq ġenoċidju u jibbumbardja dak kollu li jiġi quddiem għajnejh bl-iskuża li f’Gaża kulħadd hu terrorist.
Jeħtieġ li l-Istati li jemmnu fid-demokrazija jappoġġjaw iktar lill-poplu Palestinjan biex dan ikun f’pożizzjoni li jassigura li pajjiżu jitmexxa b’mod differenti minn dak li qed isir illum.
L-aġir tal-Ħamas u l-Ħamas fih innifsu hu kundannabbli minn kull aspett iżda Iżrael irid jifhem li b’dak li qed jagħmel mhux qed idgħajjifhom iżda qed isaħħaħhom. Jinqatel terrorist jew mexxej terrorista u jinħolqu mijiet oħra. Min tkun inqatlitlu l-familja kollha tiegħu ma jħarsix lejn din is-sitwazzjoni mill- istess lenti ta’ ħaddieħor. Iżrael mhuwiex jaħseb fil-ġenerazzjonijiet futuri, lanqas dawk tiegħu stess… illum qed joqtol lill-Palestinjani u mhux jifhem li qed jipperikola lill-Iżraeljani li llum huma tfal u żgħażagħ.
Lil hinn minn kull kwistjoni politika; kif jista’ xi ħadd jimblokka l-ikel għal min hu bil-guħ? Kif jista’ xi ħadd jara x-xeni ta’ tfal imutu bil-ġuħ u jibqa’ ma jirreaġixxix u jgħinhom? Kif jista’ Stat jattwa strateġija ta’ użu tal-ġuħ bħala arma? Kif jista’ Stat jibbumbardja l-isptarijiet, l-iskejjel, il-knejjes u d-djar tan-nies bl-iskuża li fihom hemm it-terroristi?
Ix-xeni ta’ tfal bil-borom vojta u nodfa tazza jitkarrbu għall-ikel huma xokkanti u min qed iwassal għalihom hu responsabbli għal dan il-ġenoċidju. L-istess għal dawk li qed iwasslu biex anzjani jmutu waqt li qed jistennew l-ikel, għal dawk l-eluf ta’ żgħażagħ Palestinjani jitbaxxew biex jevitaw it-tiri tas-suldati Iżraeljani waqt li jistennew l-ikel u għal dawk li qed ifittxu lil uliedhom jew familjari tagħhom fost il-debris tal-bini li kien ibbumbardjat direttament.

Illum id-dinja qed terġa’ tgħix Auschwitz, Breitenau u Bergen-Belsin. Dawk ix-xeni ta’ ġenoċidju li fit-Tieni Gwerra Dinjija tant ixxukkjaw lill-komunità internazzjonali, llum qed nerġgħu narawhom f’Gaża. Forsi ħsibna li l-kampijiet ta’ konċentrament kienu biss marbuta mat-Tieni Gwerra Dinja, iżda għall-Palestinjani dawk il-kampijiet tat-Tieni Gwerra Dinjija llum jinsabu f’Al-Zahra, Rimal, Deir el-Balah, Khan Younis u Rafah.
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ġimgħa l-1 ta’ Awwissu, 2025.
//= $special ?>