Opinjoni

OPINJONI: L-Ambjent għall-bejgħ… minkejja li hu ‘tagħna lkoll’

Minflok ma jsaħħaħ il-proċess demokratiku u jippromwovi trasparenza, Abela qed jagħti s-setgħa f’idejn dawk li jridu jkissru l-ambjent u jsiru sinjuri minn fuq artna u art uliedna

minn Justin Schembri
Shadow Minister
 għall-Edukazzjoni u s-Snajja’

L-ambjent huwa tagħna lkoll, tagħna li ngħixu fuq din il-qoxra ta’ gżira limitata minn prattikament kollox, b’mod partikolari mill-ispazji liberi u miftuħa, l-ambjent huwa parti essenzjali minna lkoll. 

Minkejja li dan huwa mifhum biżżejjed, mhux biżżejjed għal Robert Abela li jibqa’ jieħu deċiżjonijiet li jmorru kontra l-poplu Malti u kontra l-ambjent li rridu ngawduh aħna u ta’ warajna. Fil-fatt, matul dawn l-aħħar jiem Robert Abela kellu l-attenzjoni kollha fuqu għal raġunijiet ħżiena, mill-ġdid għaliex irid jgħaddi liġi li tipproteġi lill-iżviluppaturi fuq kollox.

Xi aspetti tal-liġi

Irrid għalhekk nitkellem ftit dwar xi aspetti ewlenin ta’ din il-liġi, hekk kif spjegati tajjeb ħafna f’artiklu li deher fil-gazzetta The Times of Malta. Din il-liġi, qabelxejn, qiegħda tnaqqas il-perjodu ta’ appell mid‑deċiżjonijiet tat‑tribunal għal 20 jum biss, u kull appell irid ikun legali u li ġie preżentat qabel jingħalaq il-perjodu tas-sottomissjonijiet.

Dan ifisser li kwalunkwe problema li tinqala’ wara dan il-perjodu, tista’ tiġi injorata. Mela, dan jagħmilha prattikament impossibbli, għal ċittadini ordinarji, biex jappellaw jekk ma jirrikorrux għal assistenza ta’ perit jew avukat, u b’hekk jonqos iċ-ċans li ċittadin komuni jappella minn dak kollu li b’xi mod jew ieħor jista’ jaffettwah. Barra minn hekk, l-appellant jista’ anke jkun immultat jekk jappella bla bażi.

B’dawn il-bidliet, il‑Qorti mhux se żżomm aktar l‑awtorità diretta li tħassar u twaqqaf permessi tal‑ippjanar – simili għal dak li ġara fil-każ tal-Proġett tad-DB. Ladarba l-Qorti wkoll se ssir bla snien quddiem l-abbuż rampanti, jidher li se jonqos il‑kontroll ġudizzjarju u kull applikazzjoni se tiġi dipendenti fuq il-membri tal-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar, li għandu dejjem b’xi mod jew ieħor l-interess politiku. Dan ifisser ukoll li d-diversi każi legali mhux se jkunu definittivi aktar. Hekk, l-Awtorità tal-Ippjanar se tingħata l‑abbiltà li tiddikjara l-interpretazzjoni tal-Local Plans u dak kollu relatat u ma jista’ jmeriha ħadd, lanqas il-Qorti – li sal-lum kienet l-aħħar salvagwardja biex Malta ma tinħatafx kompletament.

Aktar poter lill-politiku minflok liċ-ċittadin

 Ironikament, il-politiku – mhux iċ-ċittadin – qiegħed jingħata aktar poter. Il-Ministru tal-Ippjanar – ikun min ikun – jista’ jerġa’ jattiva permessi li jkunu skadew mingħajr ma jkun aġġornat l-appell jew mingħajr ma jingħata konsiderazzjoni għall-valur ambjentali tal-każ. Dan allura, iħalli lill-politiku f’kunflitt dirett għaliex bejn l-iżvilupp u l-iżviluppatur ma jkun hemm xejn li jista’ jintervjeni għall-ġid tal-pajjiż.

Mingħajr ma nidħol f’wisq ipoteżijiet, ilkoll nafu kif u min jirbaħ hawnhekk. Il-liġi se teħodna lura, u d-deċiżjoni dwar xogħlijiet dikjarati illegali se tinbidel mill-1967 għall-1978, u dan ifisser li ħafna bini bla permess, issa se jkun jista’ jiġi legalizzat mingħajr pieni jew azzjonijiet oħrajn. Dan ukoll se jkun qiegħed jagħti prominenza lill-abbuż.

Se jkun riformat ukoll it-Tribunal inkarigat mid-deċiżjonijiet tal-Awtorità tal-Ippjanar, bil-membri ta’ dan it-Tribunal ikunu nominati għal 10 snin fuq parir tal-Prim Ministru: jiġifieri bidla strutturali li tagħti influwenza politika dejjem akbar u akbar fuq id-deċiżjonijiet l-aktar importanti għall-pajjiż.

L-ambjent mhux prijorità għall-Gvern

B’dan kollu, il-Prim Ministru Robert Abela jkompli juri b’mod ċar li l-ambjent mhux prijorità għall-Gvern tiegħu. Minkejja l-wegħdi ripetuti favur l-iżvilupp sostenibbli, il-politika tiegħu qiegħda tkompli tiffavorixxi l-iżviluppaturi u mhux l-interess pubbliku.

L-intenzjoni oriġinali li l-proposti kontroversjali tal-liġi tal-ippjanar jitħabbru issa, eżatt qabel il-waqfa parlamentari tas-sajf meta l-fokus fuq il-politika mhuwiex fl-aqwa tiegħu – jindika nuqqas ta’ rispett lejn is-soċjetà ċivili u l-valuri ambjentali.

Minflok ma jsaħħaħ il-proċess demokratiku u jippromwovi trasparenza, Abela qed jagħti s-setgħa f’idejn dawk li jridu jkissru l-ambjent u jsiru sinjuri minn fuq artna u art uliedna.

Dan kollu juri li l-Gvern Laburista mhux biss qed jinjora l-vuċi taċ-ċittadini, iżda qed jimminaha b’mod sistematiku għax hekk jaqbillu.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Erbgħa 30 ta’ Lulju, 2025.