minn Joe M. Zahra
L-ikel huwa l-aktar komponent importanti fl-Indiċi tal-Prezzijiet. Dan għaliex filwaqt li tista’ toqgħod mingħajr ħafna affarijiet li jidhru fl-istess kejl, żgur li ma tistax tgħix bla ma tiekol. Aktar mal-ikel jogħla akbar tkun il-gidma fuq dawk bi dħul baxx, fuq il-vulnerabbli, fuq l-anzjani tagħna.
Nemmen li l-piż tal-ikel mhux jingħata importanza biżżejjed fil-kejl tal-inflazzjoni. Għalhekk dawk fir-riskju tal-faqar u l-esklużjoni soċjali qed jiżdiedu.
Il-piż tal-ikel u xorb mhux alkoħoliku jimmarka biss 181.7 minn kull 1000. Għal min jaqlagħha u jiekolha dan huwa piż baxx ħafna. Nafu kemm għola l-ikel bejn Jannar u Ġunju, minn 1.5 fil-mija għal 3.9 fil-mija. Iktar mid-doppju u nofs. Li għal min jgħix fuq baġit issikkat ħafna kull żieda fil-prezz tal-affarijiet tal-ikel titfgħu l-baħar. Dan kollu jitlob azzjonijiet immmedjati. Mhux min bilkemm idaħħal biex jgħix ikollu jistenna iktar minn sena biex jingħata żieda għal dak li jkun għola sena u iktar qabel.
Pajjiżna jimporta l-parti l-kbira tal-ħtiġiet tal-ikel. Madwar 80 fil-mija tal-ikel kollu. Ċifra li se tkompli togħla sew minħabba ż-żieda fil-popolazzjoni, sew minħabba ż-żieda fit-turiżmu tal-massa u anki għaliex b’inqas raba tinħadem, il-prodott agrikolu lokali jonqos jista’ u mhux jiżdied.
Pjan ta’ emerġenza
Din tal-aħħar tpoġġi quddiem min imexxi pajjiżna x’jiġri jekk ma nkunux f’qagħda li nimpurtaw dak kollu li għandna bżonn biex nieklu! Fl-aħħar gwerra dinjija pajjiżna kellu nofs il-popolazzjoni tal-lum. It-turiżmu ma kienx jeżisti. Kien hawn mill-inqas id-doppju tar-raba tinħdem, jekk mhux ukoll iżjed! Minkejja dan kollu konna se nispiċċaw immutu bil-ġuħ. Ara x’isir minna f’sitwazzjoni li tixbaħ lil dik!
Il-Gvern għandu jkollu pjan ta’ emerġenza dwar l-ikel. Dwar ħażniet ta’ ikel. Dwar kif se jitma’ l-popolazzjoni jekk inkunu fi kriżi kif konna se nkunu fi żmien il-COVID-19. Sadanittant il-Gvern irid joħroġ bi pjan serju kif se jraħħas il-prodotti tal-ikel.
Ma jistax ikun li dawn jibqgħu jogħlew xahar wara l-ieħor u ma jsir xejn. Li kieku ma kienx għall-Gvern Nazzjonalista li rnexxielu jikseb deroga fuq l-affarijiet tal-ikel biex dawn ma jħallsux VAT, deroga li għandha biss l-Irlanda, kieku ara kemm l-affarijiet tal-ikel kienu jogħlew iktar!
Soluzzjonijiet
U dan iwassalna għas-soluzzjonijiet. Soluzzjonijiet li l-Partit Nazzjonalista ilu li identifika iżda li l-Gvern ta’ Robert Abela, għax supperv, għax jidhirlu li jaf kollox, warrab. Il-Partit Nazzjonalista qed jipproponi:
- It-tneħħija tat-taxxa fuq iż-żieda tal-għoli ta-ħajja (il-COLA) biex il-ħaddiema jgawdu minn żieda sħiħa;
- Eżenzjoni tat-taxxa fuq l-ewwel €10,000 minn dħul minn xogħol ‘part-time’ u ‘overtime’ biex min jaħdem igawdi iżjed il-frott ta’ ħidmietu;
- ‘Tax credits’ għan-negozji biex ma jkollhomx għalfejn jgħolluvl-prezzijiet biex jagħmlu tajjeb għal-ispejjeż li dejjem qed jogħlew;
- Għajnuniet eċċezzjonali bla preċedenti biex jgħinu lin-negozji jinvestu aktar fit-tekonoloġija avvanzata biex jindirizzaw iż-żieda fl-ispejjeż tagħhom biex iwasslu għal prezzijiet aktar kompetittivi u aktar stabbli;
- Fond nazzjonali għall-importaturi u l-esportaturi biex itaffu l-ispejjeż tat-trasport u jrażżan il-prezzijiet;
- Mudell ekonomiku ġdid bażat fuq setturi ta’ valur miżjud biex jinħolqu impjiegi li jħallsu aħjar u jżidu l-produttività. Hekk verament inkunu morna għall-kwalità u mhux il-kwalità, tal-billboards!
Huwa għall-Gvern li ma jkunx aktar arroganti u jisma’ x’inhuma s-soluzzjonijiet li qed jipproponi ħaddieħor. Għandu jkun il-Gvern li fl-aħħar mill-aħħar joħroġ b’soluzzjonijiet li jnaqqsu l-piż tal-għoli tal-ħajja minn fuq dahar kulħadd iżda l-aktar minn fuq dahar il-vulnerabbli.
L-għoli tal-ikel jolqot lil kulħadd, iżda mhux lil kulħadd l-istess. Hemm min jiltlaqat ferm iktar u allura dawn għandhom bżonn għajnuna aktar minn ħaddieħor. F’dan il-każ il-Gvern ma jistax jimxi fuq il-prinċipju ta’ ‘one size fits all’. Għaliex mhux hekk!
Issa ilna sitt xhur insegwu l-prezzijiet tal-ikel jogħlew. Donnu li l-Gvern mhux qed ikun aġġornat b’dak li qed jiġri. Għax jekk qed ikun aġġornat messu ilu li ddeċieda x’jagħmel biex l-ikel ma jkomplix jogħla. Ċekk ta’ kultant żmien ma jsolvix il-problema. Għall-kuntrarju juri li teżisti.

Ċifri meħuda minn statistika pubblikata mill-Eurostat
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ġimgħa, l-1 ta’ Awwissu, 2025.
//= $special ?>