Numru ta’ għaqdiet ambjentali qed iħeġġu lill-Membri Parlamentari tal-Gvern sabiex japprovaw il-mozzjoni mressqa minn naħa tal-Oppożizzjoni bil-għan li r-riforma tal-ippjanar imressqa fl-aħħar ġimgħat tiġi rtirata.
Dan hekk kif ir-Ramblers Association, Nature Trust Malta, il-Moviment Graffitti, Flimkien Għal Ambjent Aħjar, BirdLife Malta, Għawdix, Din l-Art Ħelwa, Friends of the Earth u Wirt Għawdex – NGOs minn kull sfera tas-soċjetà ċivili – qed iħeġġu lill-Gvern immexxi minn Robert Abela biex jiritira l-abbozzi 143 u 144.
L-għaqdiet saħqu li hemm qbil qawwi mill-maġġoranza tal-imsieħba soċjali li r-riforma kif qed jipproponiha l-Prim Ministru ma tistax titħaddem u qed toħloq aktar inċertezza; minkejja li b’arroganza Robert Abela qed jgħidilhom li ma jifhmux.
L-għaqdiet jemmnu li dawn ir-riformi fl-ippjanar qed jippromwovu trattamenti preferenzjali… u abbuż ta’ poter fis-settur tal-ippjanar, waqt li jirristrinġu wkoll id-drittijiet tal-appellanti; għall-gwadann ta’ min ikun qed jikser il-liġi.
Huma fissru li b’mod mill-aktar dirett, ir-riformi li jrid idaħħal Robert Abela huma ta’ theddida għas-saltna tad-dritt fis-settur tal-ippjanar u saħqu li l-abbozzi ġew imfassla apposta b’tali mod li l-appellanti u l-NGOs ikollhom il-ħidma kollha tagħhom newtralizzata – theddida għall-protezzjoni tal-ambjent tal-Maltin u l-Għawdxin.
Għaldaqstant l-NGOs saħqu li d-Deputati Parlamentari m’għandhomx għażla oħra ħlief li jagħtu sostenn lill-mozzjoni tal-Partit Nazzjonalista jekk verament il-Gvern jixtieq riforma li ssaħħaħ il-kwalità tal-ħajja.
//= $special ?>