Lokali

Proposta biex jiddaħħlu sebat ijiem ta’ Miscarriage Leave

Għadha kemm ingħalqet, propju fl-aħħar ġurnata ta’ Lulju, il-konsultazzjoni pubblika dwar il-miscarriage leave – fejn qed jiġi propost li l-miscarrage leave jinkludi sebat ijiem konsekuttivi, kemm għal mara li tkun esperjenzat it-telfa u anke għall-partner tagħha. Kemm koppji miżżewġa u anke dawk li mhumiex se jkunu eleġibbli għal dan il-leave.

Riċerka soċjo-ekonomika wriet li meta wieħed jesperjenza miscarriage, din taffettwa anke l-produttività u l-effiċjenza fuq il-post tax-xogħol.

B’rabta ma’ din il-liġi, hemm total ta’ 16-il proposta li dawn ser jitressqu quddiem l-Employment and Industrial Relations Board, sabiex tkompli ssir diskussjoni u anke eventwalment l-abbozz tal-liġi jiġi ppreżentat fil-Parlament.

F’Malta kull sena jkun hawn madwar erbat elef tqala, bir-riċerka turi li 20% minnhom jispiċċaw f’korriment. Iċ-ċifri uffiċjali mis-settur tas-saħħa juri medja ta’ 320 miscarriage fis-sena, iżda evidentament jidher li n-numru reali huwa ferm għola – hekk kif huwa stmat li hemm madwar 700 każ ieħor fis-sena li ma jiġux reġistrati.

F’April li għadda kienet infetħet diskussjoni nazzjonali fejn kienu bosta l-professjonisti, imsieħba soċjali u anke koppji li ġarrbu din l-esperjenza u li ngħaqdu flimkien permezz ta’ djalogu miftuħ.

Koppji li jesperjenzaw telfa u jagħmlu użu mill-miscarrage leave ser jiġu offruta għajnuna psikoloġika bla ħlas.

Il-leave se jkopri l-korriment qabel 22 ġimgħa tqala, ibbażat skont l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa, hekk kif din tgħid li t-terminazzjoni ta’ tqala qabel 22 ġimgħa biss hi kkunsidrata bħala “korriment”. Min naħa l-oħra l-maternity leave f’Malta jibda japplika meta t-tqala tilħaq it-28 ġimgħa, bil-liġi preżenti ser tiġi emendata – b’tali mod li wieħed jista’ japplika għal maternity leave meta t-tqala tilħaq it-23 ġimgħa. Dan ifisser li jekk il-mara tkorri wara t-23 ġimgħa tkun eleġibbli għal maternity leave.

Sabiex wieħed japplika għal dan il-leave għandu jippreżenta ċertifikat mediku mingħand il-ġinekologu fi żmien jumejn mar-ritorn tagħha għax-xogħol, bil-partner jippreżenta jew tippreżenta dan l-istess ċertifikat. Il-koppja għandha d-dritt tirritorna fl-irwol tagħha bl-istess kundizzjonijiet li kellha qabel.

Min iħaddem għandu jitratta l-informazzjoni kollha relatat mal-korriment b’kunfidenzjalita stretta.

Dan il-leave ser japplika għall-ħaddiema tas-servizz pubbliku kif ukoll tal-privat, bil-gvern se jkopri l-ispejjeż.

Din l-inizjattiva hija intiża biex tagħti ċ-ċans lill-koppja sabiex tibda tirkupra wara li tkun sofriet korriment.