Piero di Bartolo u Trafford Vella nstabu ħatja li ppruvaw idaħħlu Malta sigaretti b’kuntrabandu, tant li ġew ikkundanati sentejn ħabs sospiżi għal 4 snin u multa ta’ €221,000 kull wieħed.
Il-każ imur lura għad-19 ta’ Awwissu tal-2015 – il-jum li fih iż-żewġ irġiel ippruvaw idaħħlu sigaretti mingħajr ma ħallsu dazju u taxxa.
Dakinhar, il-Forzi Armati ta’ Malta, kienu waqqfu dgħajsa bl-isem ta’ “Christian II” diversi mili ‘l barra mill-ponta ta’ Birżebbuġa, li fiha nstabu 42 kaxxa bis-sigaretti. Il-Pulizija kienu ġew infurmati minnufih; bid-dgħajsa tiġi skortata lejn il-Port il-Kbir u ż-żewġ akkużati jiġu arrestati.
Meta Di Bartolo u Vella ġew interrogati, huma qalu li l-kaxxi lemħuhom b’kumbinazzjoni waqt ħarġa biex jistadu.
Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech sabet liż-żewġt irġiel ħatja ta’ tentattiv li jdaħħlu Malta sigaretti bil-kuntrabandu tant li sostniet li kienet konvinta li l-imputati marru fil-post biex jiġbru l-merkanzija.
Huma ġew ikkundannati sentejn ħabs sospiżi għal 4 snin u multa enormi kull wieħed. Minn din is-somma, €73,690 għandhom jitqiesu bħala dejn ċivili u jridu jitħallsu lill-Kummissarju tat-Taxxa u d-Dwana.
Quddiem il-Maġistrat xehdu diversi pulizija, uffiċjali tad-Dwana u suldati involuti b’rabta ma’ dan il-każ.
//= $special ?>